L-ADPD jakkuża lill-PA u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b'inkompetenza

L-ADPD indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-Wied ta' Ħal Qormi fejn id-drenaġġ qed jispiċċa joħroġ mal-ilma tax-xita

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-wied ta’ Ħal Qormi, l-ADPD ilmenta kif malli bdiet nieżla l-ewwel xita, reġgħu bdew ir-rapporti u l-problemi dwar l-għargħar f’diversi żoni residenzjali madwar Malta u Għawdex.

“Dan hu l-prezz li qed inħallsu illum għall-inkompetenza fit-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tul is-snin. L-ilma tax-xita hu riżors prezzjuż li mhux qed nieħdu ħsiebu,” saħaq iċ-Chairperson Carmel Cacopardo.

Tul il-konferenza tkellmet ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali u l-kandidata Sandra Gauci li saħqet li t-toroq mgħerrqa, qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa iżda mhux biss.

“F’Ħal Qormi fejn qegħdin illum apparti l-fatt ta’ toroq mgħerrqa inħolqot ukoll il-problema tad-drenaġġ li jfur u joħroġ fit-toroq. Dan għax apparti li żdiedu n-numru ta’ residenti fil-madwar, il-maġġoranza tad-djar għandhom l-izbokk tal-ilma ta’ fuq il-bejt li jmur direttament fid-drenaġġ flok f’xi bir. Dan juri n-nuqqas ta’ ħsieb fl-ippjanar u l-ħela ta’ ilma li hi riżorsa importanti ħafna fi gżira bħal tagħna li ftit li xejn għandha riżorsi naturali,” insistiet Gauci.

Qalet li bil-Flood Relief Project kienu ntefqu miljuni ta’ ewro, primarjament fondi Ewropej, biex tittaffa din il-problema imma qalet ikoll li b’bini li ma jaħsibx għall-ħażna tal-ilma dan il-proġett falla għax fejn tranġa bil-proġett tħassar bil-bini ta’ flats u strutturi li m’għandhomx bjar fejn jiġbru l-ilma tax-xita.

“Fil-maltempata tal-ġimgħa l-oħra l-ilmijiet li nġabru kienu mħallta bid-drenaġġ. Dan ifisser ħaġa waħda: li l-awtoritajiet ma tawx każ li ilma tax-xita mill-bjut tal-propjetajiet fil-madwar jitfgħu l-ilma tax-xita ġod-drenaġġ flok ġo bir,” insista Cacopardo.. 

Kien hawn li akkuża lill-Awtorità tal-Ippjanar li, fi kliemu, mhux tagħmel xogħolha għax mhix twettaq verifika li l-bini ġdid fih bjar ta’ qisien tajbin biżżejjed biex jinġabar fihom l-ilma tax-xita mill-bjut. 

Qal ukoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhux tivverifika li meta tiġi biex tawtorizza li l-katusi tad-drenaġġ ta’ binja ġdida jaqbdu mal-main tad-drenaġġ, dawn ma jkunx qed iservu biex jieħdu ukoll l-ilma tax-xita. 

“Li kieku l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jagħmlu xogħolhom ikollna inqas ilmijiet fit-toroq waqt maltempata. Ikun iktar rari li s-sistema tad-drenaġġ ma tlaħħaqx u li waqt maltempata jfur id-drenaġġ fid-diversi toroq fejn dan qed jiġri illum,” temm jisħaq Cacopardo.

More in Politika