€12-il miljun f'vouchers għadhom ma ntużawx; Issa jistgħu jintużaw sal-aħħar ta' Ottubru

Ħabbar dan il-Ministru Silvio Schembri hekk kif oriġinarjament dawn kellhom jiskadu fil-15 ta' Settembru

Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li qed tkun estiża d-data sa meta jistgħu jintużaw il-vouchers tal-Gvern biex issa l-aħħar vouchers jistgħu jissarrfu sal-aħħar ta' Ottubru u mhux sal-15 ta' Settembru.

Huwa qal dan dalgħodu waqt li spjega li kwart tal-vouchers tal-Gvern għadhom ma ssarfux. Dan ifisser, spjega l-Ministru, li fadal x'jintefqu madwar €12-il-miljun f'vouchers.

Sa issa ġew użati aktar minn €33 miljun f’vawċers, li jfisser 74% tal-vawċers.

Minn dan l-ammont, spjega l-Ministru Schembri, €30.6 miljun ġew użati f’Malta filwaqt li €2.4 miljun ġew użati f’Għawdex. 

B'kollox inħarġu vouchers għal 447,669 persuna għall-valur ta’ €44.77 miljun. Minn dawn, 117,485 persuna niżżlu l-vouchers b’mod diġitali filwaqt li 330,184 ppreferew l-istampati.

It-tieni sett ta' vouchers tqassmu ftit qabel beda s-sajf bil-għan li tkun mgħejjuna l-ekonomija u n-negozji wara d-daqqa li ħadu minħabba l-pandemija.

Din id-darba, €40 setgħu jissarrfu fi ħwienet bħalma huma dawk tal-ħwejjeġ jew tas-sbuħija, filwaqt li €60 setgħu jissarrfu f'ristoranti, bars u anke lukandi.

Madwar 29,000 persuna, il-maġġoranza tagħhom barranin li jgħixu f'Malta, baqgħu ma ġabrux dawn il-vouchers.

More in Politika