15-il destinazzjoni u 65 servizz skedat fil-ġimgħa; L-Air Malta tħabbar l-iskeda tax-Xitwa

L-Air Malta se tkun qed tibda topera l-iskeda ta’ titjiriet tagħha għax-Xitwa fil-31 ta’ Ottubru

Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ħabbret li se tkun qed tibda topera l-iskeda ta’ titjiriet tagħha għax-Xitwa fil-31 ta’ Ottubru, fejn se tkun qed toffri 67 servizz dirett b’ritorn skedat fil-ġimgħa lejn 15- il ajruport Ewropew ewlieni. 

Il-linja ta l-ajru se toffri medja ta’ disa’ titjiriet fil-ġimgħa lejn Londra u Pariġi, b’servizzi lejn l-Ajruporti ta’ Heathrow f’Londra, Pariġi Charles De Gaulle u Pariġi Orly, filwaqt li lejn Munich, Ruma, Vjenna, Zurich u Katanja se jkollha sitt titjiriet fil-ġimgħa. 

Matul ix-Xitwa, l-Air Malta se testendi wkoll is-servizzi tagħha lejn il-bliet ta’ Berlin, Dusseldorf u Lyon. 

It-titjiriet diretti li se tkun qed toffri l-Air Malta lejn 15-il destinazzjoni huma Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Pariġi Charles De Gaulle, Pariġi Orly, Ruma Fiumicino, Londra Heathrow, Milan Linate, Lyon, Munich, Vjenna u Zurich. 

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li se tkompli tħaddem il-ftehimiet ta’ code-sharing ma’ Aeroflot, airBaltic, Air France, Austrian Airlines, Brussels Airlines, Czech Airlines, Emirates, Etihad, KLM, Lufthansa, Qatar Airways, Swiss International Air Lines u Turkish Airlines. 

More in Politika