Inqas distanza bejn l-imwejjed u aktar attivitajiet għall-istudenti; Imħabbra protokolli ġodda għall-iskejjel

Jinbidlu diversi protokolli għall-iskejjel iżda l-maskra tibqa' obbligatorja anke għall-istudenti li huma mlaqqma kompletament

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret protokolli ġodda li se jkunu qed japplikaw għas-sena skolastika li jmiss u li tibda fi ftit jiem oħra.

Il-Ministru saħqet li r-rata ta’ tilqim f’Malta, inkluż fost l-istudenti u l-għalliema, se tippermetti li jonqsu ħafna mir-restrizzjonijiet fl-iskejjel anke jekk jibqgħu fis-seħħ dawk il-miżuri bażiċi li japplikaw għall-pubbliku inġenerali. Madanakollu, minkejja dan, l-istudenti jridu jibqgħu jilbsu l-maskra, bl-istess mod kif kien isir fis-sena skolastika li għaddiet.

Spjegat kif 85% tal-istudenti li għandhom aktar minn 16-il sena ħadu t-tilqim, filwaqt li 73% tal-istudenti li għandhom bejn 12 u 15-il sena wkoll tlaqqmu kompletament.

Caruana saħqet li dawn il-protokolli ġew aġġornati wara diskussjoni wiesgħa ma’ dawk kollha involuti fl-edukazzjoni, inkluż mal-unjins tal-għalliema u fi kliemha, il-prinċipju ewlieni li mexxa dawn id-diskussjonijiet kien li xejn ma jista’ jieħu post it-tagħlim fil-klassijiet.

Fil-fatt saħqet li l-protokolli aġġornati jindirizzaw in-nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni u l-attività fiżika li esperjenzaw l-istudenti, fost affarijiet oħra, minħabba l-pandemija.

Uħud mill-protokolli aġġornati huma dawn:

  • Għall-klassijiet mit-tmien sena ‘l isfel, jiġifieri għal dawk l-istudenti li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin għax għadhom żgħar, id-distanza bejn l-imwejjed se tibqa’ dik ta’ metru u nofs
  • Għall-klassijiet mit-disa’ sena ‘l fuq, id-distanza tinżel għal metru.
  • Jistgħu jirritornaw il-lezzjonijiet tal-prattika, tal-fieldwork u tal-edukazzjoni fiżika
  • Jirritornaw ukoll avvenimenti speċjali u anke soċjali fosthom dawk għal għeluq snin l-istudenti. Hawn dejjem jibqa’ jiġi rrispettat il-prinċipju tal-bubbles u l-miżuri bażiċi ta’ prevenzjoni
  • Apparat u tagħmir li jintuża waqt il-lezzjonijiet tal-prattika u anke dawk ta’ attività fiżika, irid jiġi sanitizzat b’mod regolari
  • Jinfetħu mill-ġdid il-ħwienet tal-ikel fl-iskejjel anke jekk dawn jistgħu jservu biss affarijiet li jkunu ssiġġilati minn qabel
  • Għall-bidu, ġenituri u kustodji mhux se jitħallew jidħlu l-iskejjel iżda mhux eskluż li dan jinbidel aktar tard matul is-sena, skont kif ikomplu jiġu rrilaxxati l-miżuri fis-soċjetà
  • Il-kindergarten assistants u anke l-LSEs qed jingħataw il-parir li jilbsu maskra u l-visor
  • L-assemblies jistgħu jirritornaw fejn meħtieġ anke jekk iridu jibqgħu jiġu rrispettati l-miżuri tal-bubbles u anke tad-distanza
  • Jistgħu jerġgħu jittellgħu d-dekorazzjonijiet fil-klassi
  • Studenti vulnerabbli u anke għalliema u ħaddiema vulnerabbli jistgħu jirritornaw fil-klassi ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar

Il-Ministru spjegat li l-protokolli l-oħra kollha li mhux imsemmija jibqgħu fis-seħħ.

Qalet ukoll li fil-każ ta’ kwarantina, il-protokolli fis-seħħ għal-pubbliku inġenerali se japplikaw ukoll għas-settur edukattiv, inkluż fejn jidħol il-perjodu mqassar ta’ kwarantina għal min ħa l-vaċċin.

Dwar iċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni, il-Ministru qalet li għaddejin diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet tas-saħħa u anke t-tmexxija tal-istituzzjonijiet terzjarji biex dawn ikunu jistgħu jirritornaw b’rispett lejn il-miżuri eżistenzi.

Kompliet tisħaq li għaddejin diskussjonijiet ukoll biex fl-iskejjel jiddaħħlu miżuri biex itaffu min-nuqqas ta’ attivitajiet fiżiċi li esperjenzaw l-istudenti.

Qalet ukoll li t-tim li twaqqaf bejn il-Ministeru għas-Saħħa u anke l-Ministeru għall-Edukazzjoni se jibqa’ jopera anke din is-sena biex jibqa’ jikkordina x-xogħol mal-uffiċjali tal-iskejjel biex f’każ ta’ każi ta’ Covid-19, dawn jiġu identifikati malajr u jsir il-contact tracing neċessarju.

Intant, il-lista sħiħa tal-protokolli aġġornati mistennija jkunu ppubblikati dalwaqt fuq is-sit tal-Ministeru għas-Saħħa.

More in Politika