‘Jiżbogħ il-ħitan suwed, jiddeċiedi lil min jaqfel u lil min ipoġġi fuq is-siġġu tat-torturi ... Alex Dalli jrid biss iżarma lin-nies’

Ippreżenta ma’ Peppi Azzopardi mitt proposta għall-ħabs u jrid li minnufih jitneħħa d-Direttur Alex Dalli. X’qed jipproponu eżatt? Imma fil-ħabs kollox ħażin hemm? Id-dixxiplina mhux importanti? Se nagħmlu l-ħajja tal-priġunier wisq faċli? L-ILLUM tistaqsi lill-Professur Andrew Azzopardi

Id-Direttur tal-ħabs Alex Dalli u t-tattiċi tiegħu bħalissa jinsabu fuq fomm kulħadd. Min jaqbeż għalih u min jgħid li għandu jitkeċċa minnufih. Iżda l-isfidi ma jiqfux mat-tmexxija. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Professur Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għall-Benessri tas-Soċjetà, li flimkien mal-ġurnalist u attivist Peppi Azzopardi, ħarġu b’100 proposta dwar kif għandha tiġi rriformata s-sistema korrettiva f’Malta.

L-ILLUM tibda billi tfakkar lil Azzopardi li l-problemi fil-ħabs ma bdewx ma’ Dalli. Din il-gazzetta stess tkellmet ma’ eks priġunieri li kienu ddeskrivew il-ħabs bħala ‘bejta tad-droga.’ X’inhi l-akbar problema tal-ħabs?

“L-akbar problema hija li kulħadd jiġi jitmejjel mill-ħabs. Ħadd ma ried jieħu d-deċiżjonijiet iebsa. Kull tentattiva li saret kienet nofs kedda,” beda jwieġeb. “Il-ħabs dejjem tħalla abbandunat. Il-Ministri għall-Intern qatt ma laħqu l-aspetattivi.”

Kompla jisħaq li l-problema mhuwiex il-ħabs biss. “Jiena dejjem inqabbel il-ħabs ma’ serpentina. Tibda tinduna li qed tinstadd fl-aħħar ftit, għax jakkumula l-ħmieġ u l-ilma jdum nieżel. Il-ħabs huwa fit-tarf tal-problema. Kellek il-problemi fil-qrati, il-problemi li kien hemm u li għad hemm fil-Pulizija, in-nuqqas ta’ riżorsi u oħrajn. Dawn akkumulaw dan il-ħmieġ u l-ħabs imbagħad xpakka u sploda,” insista.

Kien għalhekk li saħaq li anke jekk saru tentattivi biex l-affarijiet jinbidlu, ma kienx biżżejjed. Anke fil-każ tad-Direttur tal-ħabs stess. Azzopardi fakkar kemm Dalli jiftaħar li neħħa d-droga mill-ħabs imma fl-istess ħin ma waqqafx il-kilba għad-droga bi programmi biex in-nies jieħdu l-kura. Dan huwa biss eżempju wieħed.

“Il-problema fil-preżenti hija li ma hemmx biżżejjed persuni kompetenti,” kompla jinsisti.

‘Ħitan suwed, ambjent diżastruż ... smajt il-krib tan-nies’

Fil-ħabs il-midja mhux qed titħalla tidħol jew jekk titħalla tidħol mhux tingħata aċċess sħiħ. L-ILLUM tistaqsih kif qed inkunu daqshekk ċerti li fil-ħabs hemm kważi kważi infern. Qed noqogħdu biss fuq dak li jgħidu żewġ priġunieri kollox?

“Meta jkollok informazzjoni tikkonfermaha ma’ żewġ jew tliet sorsi,” beda jwieġeb. “Jiena mort il-ħabs u l-NGOs marru l-ħabs. Nistaqsuhom x’qed jaraw. Ħitan qed jiżbgħuhom suwed, ambjent diżastruż. Jiena kont xhud ma’ kollegi oħra u d-Direttur qatt ma ċaħad dak li għidt jien. Jiena lest nieħu affidavit, lest nieħu ġurament għal dak li għamel hu.”

Insista li meta żar il-ħabs mal-kollegi mill-fakultà, “iż-żero” (l-isem kodiċi tad-Direttur tal-ħabs) ħadu f’Diviżjoni Sitta. Qal li ra d-Diviżjoni u “smajt il-krib tan-nies.”

“X’jonqos aktar? Naraw l-irjus jirromblaw jew in-nies imdendlin?,” staqsa. Fakkar li seħħew 13-il mewta fl-aħħar xhur u snin u li dwarhom għad irid jara l-inkjesti u jifhem jekk dawn is-siti fejn seħħew dawn l-inċidenti, kinux ippreservati sakemm waslet il-Maġistrat. 

Fi kliemu, jekk l-uffiċjali u l-gwardjani ma jitkellmux fil-pubbliku, miegħu jitkellmu kontinwament u insista li huma mwerwa mid-Direttur. 

“Hawn irrid nara l-General Workers Union titkellem mhux biex tiddefendi l-moħqrija fuq il-priġunieri imma rrid fuq il-vjolenza li qed issir fuq il-ħaddiem,” saħaq. Fakkar li hemm ukoll konsistenza fir-rapporti li qed isiru fuq il-ħabs. 

Kompla jisħaq li minkejja l-impressjoni li jagħtu li l-ħabs huwa “villaġġ,” wara ilment li għamlu hu u Peppi Azzopardi, l-Awtorità tax-Xandir sabet lill-PBS u lill-ħabs ħatja ta’ propaganda qarrieqa.

“Dan anke jaqbad u jispara fuq il-ħamiem mingħajr permessi. Irrapportajtu jien. Qed issir investigazzjoni,” insista.

Kien hawn li saħaq li jekk id-Direttur huwa daqshekk konvint li kollox huwa ward u żahar kulma jrid jagħmel huwa li jagħżel grupp ta’ ġurnalisti u jħallihom jidħlu l-ħabs, ikollhom aċċess għal kullimkien, aċċess għall-priġunieri u jingħataw lista ta’ eks priġunieri u qraba ta’ priġunieri li tilfu ħajjithom fil-ħabs. 

“Jiena dawn kollha ltqajt magħhom. Jiena mmur il-ħabs nitkellem mal-ġurnalisti sakemm ma jpattuhiex għax ikun sar jaf li tkellmu miegħi,” kompla jisħaq.  

‘Dalli jrid biss iżarma lin-nies ... għandu jsirlu assessjar psikometriku’

Ħafna mill-kritika hija indirizzata lejn id-Direttur tal-ħabs, iżda hu jiftaħar li tejjeb is-sitwazzjoni u li fuq kollox waqqaf il-vjolenza u d-droga mill-ħabs. Possibbli dan il-bniedem kollox ħażin jagħmel? 

“Lanqas Hitler ma għamel kollox ħażin għax saħħaħ l-ekonomija fil-Ġermanja, imma qatel sitt miljun ruħ u farrak dinja,” beda jwieġeb. “Il-ħabs mhux jaħdem. L-istatistika turi dan. 66% ta’ kull min joħroġ mill-ħabs jerġa’ jidħol. 72% huma priġunieri li kellhom ġenituri tagħhom li kienu l-ħabs. Fl-aħħar sentejn u nofs mietu 13-il persuna, għax dan id-direttur li salva d-dinja ma rnexxilux isalvahom. Dawn li nafu bihom.”

Fi kliemu, li taqta’ d-droga mill-ħabs hija dover tad-Direttur tal-ħabs u ma għamel xejn ta’ barra minn hawn. Fakkar li libbes il-priġunieri kollha bl-uniformi waqt li spjega li hemm riċerka li turi li meta priġunier tlibbishom l-uniformi tkissirhom. 

ed ikollna priġunieri li joħorġu mill-ħabs fis-satra tal-lejl, b’borża tal-plastik f’idhom u li ma jkun fiha kważi xejn. Dawn jgħaddu ftit sigħat jew ġranet u jmorru jisirqu karozza għax ma jkollhomx għaxja ta’ lejla

“L-unika ħaġa li jrid jagħmel id-Direttur huwa li jżarma lin-nies. Il-mudell militari mhuwiex tajjeb. Għandu jkollok it-tim ta’ sigurtà li jkun aċċessibbli f’każ li jinqala’ xi ħaġa imma l-uffiċjali għandhom ikollhom uniformi li tkun aċċessibbli għan-nies,” insista Azzopardi.

Kien hawn li saħaq li minn dan kollu, id-Direttur mhu qed jifhem xejn u insista li jekk vera jemmnu li huwa tajjeb, mela allura għandhom jerġgħu jibagħtuh mal-armata. 

“Mhux qed ngħid narmuh fiż-żibel. Qed ngħid li l-ħabs mhux postu. Jiena rrid li jsirlu assessjar psikometriku għall-intelliġenza emottiva tiegħu, kif sar lill-kandidati kollha għall-Kummissarju tal-Pulizija,” insista. “Anke tal-maġġuri tiegħu għax l-istejjer li qed nisma’ u li fadal x’joħorġu, juru li dawn in-nies huma bla qalb.”

‘Aħna rridu li l-ħabsi joħroġ mill-ħabs u jsir ċittadin mhux kriminal’

Imma l-ILLUM taqra lil Azzopardi post ta’ eks priġuniera li qalet li kienet tħossha komda tidħol il-ħabs qabel it-tmexxija ta’ Dalli għax kienet tieħu li trid imma issa ma tridx li tidħol ‘l hemm. L-ILLUM tistaqsih jekk Dalli ilux biżżejjed żmien imexxi l-ħabs biex naqbdu u ngħidu li s-sistemi tiegħu mhux jaħdmu.

“Il-fatt li għandek xi ħadd li jgħidlek li jsib rifuġju fil-ħabs ukoll turi kemm hemm problema. Mhux qed nindunaw li hemm xi ħaġa ħażina fundamentalment?,” staqsa.

Kien għalhekk li saħaq li l-proposti li huma ppreżentaw huma intiżi biex min joħroġ mill-ħabs ma jkollux bżonn dipendenza mis-servizzi soċjali jew mill-benefiċċji soċjali. 

“Aħna rridu li min joħroġ fil-ħabs jgħix tajjeb biex meta jiġi lura fil-komunità ma jibqax ħabsi imma jsir ċittadin, ma jibqax priġunier anke barra, lest li jaħtaflek it-tfajla, jagħmillek ħsara fil-karozza jew jisraqlek id-dar. Jiena egoistikament qed nagħmilha din. Jiena rrid li l-komunità tagħna tkun sigura,” spjega.

Kien hawn li saħaq li l-mudell tal-ħabs u l-filosofija kollha wara s-sistema korrettiva hija ħażina u mhux taħdem.

‘Dan il-bniedem ala biebu u jiġi tnejjek minn kollox?’

Apparti minn hekk insista li t-taħriġ tal-uffiċjali tal-ħabs suppost qiegħed isir mill-Akkademja tal-korpi. Insista li skont il-liġi, jekk dan mhux isir mill-Akkademja, ikun hemm il-permess bil-miktub mill-Ministeru għall-Intern.

“Talbu dan il-permess? Jew dan il-bniedem ala biebu u jiġi jitnejjek minn kollox? U jispara fuq il-ħamiem u filli jagħmel it-taħriġ hu, u jiddeċiedi lil min jaqfel fiċ-ċelel, jiddeċiedi minn joqgħod barra, jiddeċiedi min jieħu t-tortura fuq is-siġġu u min jibqa’ bla fann,” kompla jisħaq b’passjoni. 

Insista li jeħtieġ ikun hemm proċeduri trasparenti u li l-kumitati li hemm madwar il-ħabs jitħallew jaħdmu.

Ħwejjew, tv u mini-fridge għall-priġunieri ... mela l-ħabs lukanda?

Fost il-proposti, Andrew u Peppi jipproponu li kull min joħroġ mill-ħabs jingħata bagalja ħwejjeġ ġodda għal kull staġun u debit card (fost oħrajn) u kull priġunier ikollu televiżjoni, radju, mini-fridge, logħob elettroniku, internet etċ. L-ILLUM tistaqsih jekk dan jagħtix l-impressjoni li l-ħabs qisu lukanda fejn kulħadd komdu, mingħajr ma jirrifletti s-serjetà tal-ħabs.

“Qed ikollna priġunieri li joħorġu mill-ħabs fis-satra tal-lejl, b’borża tal-plastik f’idhom u li ma jkun fiha kważi xejn. Dawn jgħaddu ftit sigħat jew ġranet u jmorru jisirqu karozza għax ma jkollhomx għaxja ta’ lejla,” beda jwieġeb.

Insista li l-poplu jeħtieġ jifhem li priġunier ma jridx jingħata biss il-penitenza għal dak li wettaq iżda jrid joħroġ minn hemm sura ta’ nies biex ma jerġax jagħmel ħsara.

L-ambjent medjevali, iswed, ta’ vjolenza, għajjat u kontroll mhux jaħdem. L-aspett ta’ edukazzjoni u xogħol fil-ħabs huwa essenzjali u mhux privileġġ għal xi wħud li jidhirlu d-Direttur

“Jekk ma nagħtuhomx riżorsi aħna qed nistednuhom biex ikunu kriminali,” kompla.

Irrakkonta kif hu kien jaħdem ġo skola u kien jaħdem ma’ tfal imqarrba li l-każ tagħhom kien estrem. Fi kliemu, soluzzjoni waħda kellhom għalihom: iħobbuhom. Kienu jilagħbu magħhom, joħorġuhom dawra bil-karozza  u ħolqu fl-iskola ambjent sabiħ. Insista li kien hemm minnhom li ma rnexxewx, qatlu, spiċċaw il-ħabs jew għamlu suwiċidju imma oħrajn li mxew ‘il quddiem.

“Hemm minnhom jaħdmu u oħrajn li għandhom kumpaniji żgħar. Jiena rrid li nżid il-possibbilità u nnaqqas ir-riskju. L-ambjent medjevali, iswed, ta’ vjolenza, għajjat u kontroll mhux jaħdem. L-aspett ta’ edukazzjoni u xogħol fil-ħabs huwa essenzjali u mhux privileġġ għal xi wħud li jidhirlu d-Direttur,” insista. “Garanzija għal kulħadd żgur li le. Imma hemm riċerka li turi li dan kollu jħalli r-riżultati.”

Ma hemmx bżonn ħabs kbir...

Il-proposti jsemmu l-bżonn ta’ bini ta’ faċilità ġdida u tagħlaq dik ta’ Kordin. Jgħidu li għandha tkun aktar spazjuża, arjuża, bil-veduti etċ. Imma l-proposti ma jgħidux fejn. L-ILLUM tistaqsih għandhomx idea fejn din tista’ ssir u x’se jiġri mill-kritika, għax jew se tispiċċa toqros lill-ambjentalisti jew inkella lil xi residenti.

“Ċert li l-Gvern għandu proprjetajiet li mhux qed jintużaw. Hawn postijiet mitluqa u abbandunati. Bnejna tant torrijiet, għal ħabs ġdid ma nsibux post?,” staqsa.

Kompla jisħaq li Malta lanqas ma għandna bżonn xi faċilità enormi. Insista li hemm 850 priġunier f’Kordin għax ma hawnx sistemi bħalma huma dik tat-tagging, ma tintużax biżżejjed il-parole, għax hemm bżonn aktar NGOs bħalma huma r-RISe li għandhom programmi bi djar fil-komunità, għax is-sentenzi jdumu wisq ma jinqatgħu u għax uħud minn dawk li għadhom qed jistennew sentenza jinsabu maqfula l-ħabs. 

“Hemm oħrajn li għandhom problema tad-droga li posthom mhux il-ħabs. Hemm barranin li jispiċċaw il-ħabs sempliċiment għax ma jkollhomx passaport. X’ma jkunx imballat il-ħabs?” kompla jistaqsi.

Fil-fatt, il-Professur Azzopardi u Peppi Azzopardi qed jipproponi struttura ta’ open prisons, minimum security prisons u maximum security prisons.

‘Mużew li juri kemm aħna tan-nejk li ħallejna jsiru dawn l-atroċitajiet’

Tkellima aktar fid-dettall dwar il-programm tar-RISe li jipprovdi programm lill-priġunieri li jkunu waslu biex itemmu s-sentenza, fejn fost oħrajn jgħixu f’dar fil-Belt Valletta, jibdew jaħdmu u jiltaqgħu aktar mal-familja. 

Mistoqsi jekk jagħmilx sens li jkun hemm aktar djar fil-komunità flok faċilità ġdida, Azzopardi insista li r-RISe huwa programm suċċess tant li r-rata ta’ reċividiżmu hija baxxa ħafna. 

“Dik hija direzzjoni li rridu imma xorta jkun hemm bżonn li jkollok maximum security prison,” saħaq. Fi kliemu, dan xorta waħda ma għandux ikun f’Kordin u tenna li dan il-ħabs għandu jingħalaq u tinżamm biċċa biss, li tinbidel f’mużew biex fi kliemu jfakkarna “kemm aħna poplu tan-nejk li ħallejna li jsiru dawn l-atroċitajiet.”

Insista li anke jekk jitkellmu fuq maximum security prisons lanqas mhu qed jirreferu għal xi ħabs li jkun fortizza, anzi jsemmi dak li seħħ barra minn Malta fejn dawn ikunu mibnija anke bi ħġieġ u twieqi kbar, bil-veduta tidher, biex il-priġunier jara x’qed jitlef u x’jista’ jiggwadanja.

Kien hawn li tenna li kollox jagħmel differenza, inkluż il-kuluri li jintużaw. “Dan qed ibajjad bl-iswed. Jekk trid iġġennu bniedem, aqflu ġo ċella miżbugħa bl-iswed,” saħaq.

Kif jaħdmu l-open prisons? Għal min huma?

Tkellimna aktar fil-fond dwar l-open prisons, bil-Professur jisħaq li f’pajjiżi differenti, partikolarment dawk Nordiċi, hemm mudelli differenti, fejn essenzjalment il-priġunier joħroġ jaħdem, jiltaqa’ mal-familja u mbagħad jirritorna lura biex jorqod fil-ħabs.

Insista li din tista’ tkun assoċjata ma’ sistemi oħra fosthom ta’ tagging jew inkella tapplika għal dawk il-priġunieri li jkunu għamlu progress fir-rijabilitazzjoni tagħhom. 

“Aħna ma għandnix dawn is-sistemi. Għandna bordijiet li jiddeċiedu l-parole u l-leave imma mhux dawn is-sistemi. Dawn is-sistemi ma jistgħux jiddependu mid-Direttur imma minn strutturi apposta li jaħdmu ma’ professjonisti,” insista. 

Kien hawn li ċċara li la hu u lanqas Peppi ma huma qed jgħidu li ma għandux ikun hemm ħlas għall-għemil ta’ persuna. Anke jekk bit-tagging jew inkella f’open prison, il-persuna għadha qed tiskonta sentenza.

“Trid issib mod kif is-sentenza tgħinek tagħmel proċess ta’ rijabiltazzjoni,” insista.

Sew li titneħħa s-sentenza ta’ għomor il-ħabs?

Jipproponu wkoll li titneħħa s-sentenza ta’ għomor il-ħabs. Żgur kontroversjali, speċjalment jekk wieħed jitkellem mal-vittmi jew qraba ta’ vittmi. Azzopardi jirrikonoxxi dan iżda saħaq li hemm sistemi kif tista’ tinħadem.

Dalli jrid jinbidel. Ma għandux il-kapaċità intelletwali u emottiva li jagħmel din il-bidla. Mhux kapaċi joħroġ il-ħabs minn mudell medjevali għal mudell ġdid

Semma’ pereżempju każ fejn persuna tingħata sentenza massima ta’ għoxrin sena ħabs u jista’ jkollha estensjoni ta’ ħames snin oħra.

“Taħdem bil-kontra. Qabel ma turi li inti tbiddilt ma tingħatax ir-rilaxx, f’każ ta’ sentenzi serji ħafna. Jekk ma tinbidilx, is-sentenza tiġi estiża” spjega.

‘Jitneħħa d-Direttur minnufih’

100 proposta. Imma kieku kellu jagħżel proposta waħda biex tiġi implimentata issa, xi tkun? “Jitneħħa d-direttur,” wieġeb minnufih. 

Saħaq li apparti li taħtu saru affarijiet li huma dubjużi, bħal “sistema ta’ tortura sistemattizata,” hemm evidenza fattwali li hu ma laħaqx l-aspetattivi u għax ir-riformi tiegħu ma ħallewx ir-riżultati.

“Irid jinbidel. Ma għandux il-kapaċità intelletwali u emottiva li jagħmel din il-bidla. Mhux kapaċi joħroġ il-ħabs minn mudell medjevali għal mudell ġdid,” temm jisħaq il-Professur. 

More in Politika