'Sitwazzjoni traġika' - Agius jgħid li kumpaniji ma jridux li jkollhom aktar x'jaqsmu ma' Malta

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ konferenza biex jispjega l-impatt dirett li l-lista l-griża qed ikollha fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji f'Malta

Kumpaniji li ilhom snin joperaw minn Malta, issa qed jikkunsidraw li ma jġeddux il-liċenzja tagħhom biex joperaw minn Malta u dan wara li l-pajjiż tpoġġa fuq il-lista l-griża tal-FATF. Qal dan il-Kelliem għall-Partit Nazzjonalista Peter Agius.

Huwa kien jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) dwar kif il-lista l-griża qed taffetwa n-negozji u l-kumpaniji f’Malta.

Agius insista li l-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ wieħed jifhem għaliex dawn il-kumpaniji ma jridux iġeddu l-liċenzja tagħhom. Spjega kif hemm dawk li jipprovdu servizzi finanzjarji u oħrajn li ilhom snin joperaw minn Malta imma l-kumpanija prinċipali tagħhom, ibbażata fl-Istati Uniti, qed tgħidilhom li ma jagħmilx aktar sens li jkunu assoċjati ma’ Malta.

Saħaq li s-sitwazzjoni hija waħda “traġika” u li l-Gvern poġġa piż żejjed fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Mistoqsi jekk jagħmilx sens li l-kumpaniji tal-midja tal-partiti jitpoġġewx ukoll taħt ir-regoli għall-finanzjament tal-partiti, Agius insista li din il-liġi għandha tappella għal kulħadd u għal kollox.

Huwa kien mistoqsi din il-mistoqsija wara rapporti li żvelaw kif l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi, kien iddiskuta ma’ Yorgen Fenech ftehim ta’ ‘konsulenza’ biex kumpanija b’rabtiet mal-Partit Laburista tirċievi €200,000 mingħand Tumas Group.

Huwa saħaq li din l-istorja turi li l-Partit Laburista jinsab ‘il fuq mil-liġi u daħal fi ftehim biex idur mir-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Kristy Debono u l-kandidat Jerome Caruana Cilia.

More in Politika