Intervista | ‘Il-marina f’Wied il-Għajn hija eżempju ta’ arranġament li sar fi żmien Muscat li Abela jkollu jonora’

Minn kwistjonijiet kurrenti bħal dawk ta’ Marsaskala, għal kwistjonijiet ta’ 20 sena ilu bħal ta’ Portomaso.  Joseph Muscat, Robert Abela u l-opożizzjoni “siekta”. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-attivist tal-Moviment Graffitti, Wayne Flask...

Wayne Flask
Wayne Flask

Attivist magħruf għar-reżistenza tiegħu kontra diversi awtoritajiet iżda iktar dawk relatati mal-infrastruttura. Xellugi li jemmen li kienet biss persuna waħda li bidlitlu fehmtu dwar il-Partit Laburista. Fuq kollox persuna li skont uħud għandu ras taż-żonqor iżda għal oħrajn ‘suldat tal-azzar' li ma jaqta’ qalbu qatt. L-ILLUM titkellem ma’ Wayne Flask.

‘F’dan il-każ għandha tingħata prijorità lin-nies ta’ Wied il-Għajn’

Nibdew b’kwistjoni li għadha friska u tniggeż daqs melħ fuq ferita. Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Wayne Flask fuq il-kwistjoni tal-Yacht marina f’Marsaskala li se tkun qegħda tolqot lill-Iskalin fuq livelli differenti.

Fil-fatt Flask mal-ewwel fetaħ fuq il-fatt li dan il-proġett ta’ Transport Malta se jkun qiegħed jħarbat l-attivitajiet tal-komunità Skalina kemm fejn jidħol għum, sajd u ħruq tan-nar tal-festa sa attivitajiet aktar rillassanti bħal mixja fejn il-baħar u ikla pizza quddiem il-mewġ.

“Forsi hija xi naqra ta’ kunflitt ta’ interess għax jien trabbejt u għext Wied il-Għajn għal 30 sena. Dawn in-nies mhu ħa jħallu xejn fir-raħal ... "
Hu nsista li l-lokalità se tinbidel kompletament permezz ta’ din il-marina u se twassal biex “ħafna residenti jimbeżqu l-barra". Dan għaliex, dak ir-raħal li “xi darba kien tagħhom issa sar ir-raħal ta’ ħaddiehor. Ir-raħal tas-sidien tal-jottijiet.”

‘Calleja hawnekk mhux qiegħed ikun konsistenti’

Il-gazzetta staqsiet lil Flask x’jaħseb fuq ir-referendum li s-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, qal li lest jipproponi mal-ILLUM il-Ħadd li għadda. Hu dlonk wieġeb li “Calleja hawnekk mhux qiegħed ikun konsistenti.”

Flask sostna li l-mod kif tkellem is-Sindku kien kontradittorju għall-aħħar filwaqt li ġab l-eżempju tal-vot li ttieħed fuq l-art taż-Żonqor fl-2015. 

“Il-Kunsill kien ivvota, u l-mozzjoni kienet għaddiet bi żbrixx favur l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM). Kien hemm ukoll kunsilliera Laburisti li vvutaw kontra u Calleja hemmekk ma ssuġeriex referendum. Din id-darba il-Kunsill ivvota b’mod unanimu kontra din il-proposta, allura ma nistax nifhem kif il-Kunsill Lokali li jirrepreżenta lir-residenti, issa jrid jmur għal referendum.”

‘Ma tantx ninkwieta fuq in-numri'

Din l-intervista seħħet propju ġurnata wara l-konferenza tal-aħbarijiet organizzata minn Moviment Graffitti f’Wied il-Għajn, fejn preżenti kien hemm numru ta’ attivisti u ftit residenti. Il-gazzetta fetħet id-diskussjoni fuq kif għalkemm il-Moviment qiegħed jgħid li qed jitkellem fin-nom tar-residenti, mhux ir-residenti kollha qegħdin jattendu l-attivitajiet organizzati. 

Filwaqt li enfasizza li dik kienet biss konferenza tal-aħbarijiet, Flask sostna li n-numri lilu ma jinkwetawhx għal bosta fatturi.

“L-ewwel ħaġa hemm bosta fatturi għaliex persuna ma taqbilx mal-marina u ma setax ikun hemm. Din it-tattika tan-numri fil-pubbliku sinċerament mhux indikatur ta’ xi ħaġa. Naħseb li l-komunità ta’ Marsaskala tkellmet, inkluż għaqdiet bħal tal-armar tal-festa, tan-nar u s-sajjieda. Tkellmet il-komunità Maltija li ilha għal żmien itwal mill-proposta tal-marina u min-nies li proponuha. Jien naħseb f’dan il-każ, il-prijorità għandha tkun iktar il-komunità ta’ Wied il-Għajn”

‘Hawn regħba manifesta minn grupp ta’ nies li jridu bilfors kontroll ditattorjali fuq ir-raħal ta’ Wied il-Għajn’

Il-gazzetta nnotat li meta jinħoloq pjan sabiex isir proġett f’din il-lokalità, dejjem jitqajjmu irwiefen kbar sabiex iwaqqfu t-tali proġett. Il-gazzetta ma setgħatx ma tistaqsix jekk il-Moviment Graffitti humiex kontra kull tip ta’ żvilupp fir-raħal. 

Flask aċċerta li huma mhumiex kontra kull tip ta’ żvilupp iżda huma kontra żviluppi bħal dawn tal-marina li mhu se jkunu qed jagħmlu xejn ħlief jgħerqu l-komunità, mhux biss f’sens ambjentali iżda wkoll bi problemi soċjali. 

“Minħabba l-interessi ta’ nies, ta’ ftit mijiet li ma nafux min huma, ta’ ftit uħud li għandhom miljuni kbar, li ħadd ma staqsa minn fejn ġejjin, u li qed jużaw lill-Gvern biex jgħaddu dan l-investiment monstruż.”

Huwa fakkar li mal-kumplament tad-dawra tal-bajja hemm jistennew  proġetti oħra li wkoll huma kontroversjali bħal dawk tal-Ġerma u tal-kompetizzjoni tad-diżinn tax-xatt kif ukoll dawk taż-Żonqor.

“Il-Ġerma kienu qegħdin jippuntaw lejha żewġ kuntratturi kbar, Joseph Portelli u Charlie il-Franċiż. In-naħa l-oħra, fil-ponta l-oħra tal-bajja li tiġi ż-Żonqor, hija l-proprjetà ta’ Sadeen Group li suppost bena kampus universitarju għal studenti li qatt ma ġew … mela għandek il-bajja, iż-żewġ ponot tagħha u dak kollu li jaqa’ fin-nofs, fejn jgħumu in-nies se jkunu bażikament triq enormi fil-baħar għal jottijiet. Għalhekk kontra żvilupp bħal dan. Hawn regħba manifesta minn grupp ta’ nies li jridu bilfors kontroll ditattorjali fuq ir-raħal ta’ Wied il-Għajn.”

“Jinjora l-protesta tagħna u jsibna nipprotestaw aktar”

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Flask ukoll fuq x’jiġri jekk il-protesta li seħħet il-Ġimgħa filgħaxija, taqa’ fuq widnejn torox bħal ma ġara f’ċirkostansi oħra fil-passat.

Huwa kkontradixxa l-mistoqsija u qal li l-Moviment Graffitti kellu protesti fil-passat fejn l-awtoritajiet taw kashom u aġġixxew fuqhom ukoll. Fil-fatt hu semma każ li jmur 20 sena lura, fejn saru protesti kontra Tumas Group u l-bini ta’ Portomaso f’San Ġiljan. 

Qal li bis-saħħa ta’ Moviment Graffitti kienet għaddiet liġi fil-Parlament rigward it-trasferimenti tal-art li jridu jgħaddu mill-Parlament stess bħala vot.

”Meta konna pprotestajna kontra l-fuel policies, fl-2018, il-Ministru Ian Borg jiftakar dak il-weekend ta’ buzz li kellna kkampjati quddiem il-Planning Authority. Apparti li evità l-konfront, malli inbidel il-Ministru tal-Ambjent il-politika għaddiet kważi kif xtaqna aħna. Jiġifieri l-attiviżmu jbiddel affarijiet.”

Imma x’jiġri jekk il-protesta fi rigward tal-yacht Marina tiġi injorata? Flask wissa li jekk il-Gvern, b’mod speċjali il-Prim Ministru – li hu residenti f’Marsaskala - ikompli jwebbes rasu u jinjora lir-residenti, “jsibna nipprotestaw mill-ġdid u aktar f'Marsaskala."

Moviment Grafitti fl-Elezzjoni Ġenerali, għaliex le?

Bosta ilhom jgħidu li Malta hi pajjiż ta’ żewġ partiti, b’referenza għal-fatt li l-Maltin forsi għadhom ma jagħtux kas daqsekk lill-partiti ż-żgħar minkejja li joħorġu bi proposti f’waqthom u relevanti.
Allura ma wasalx iż-żmien li l-Moviment Graffitti jisfida l-pariti l-kbar fil-logħba li huma biss qegħdin jilgħabu, u joħorġu għall-elezzjoni ġenerali?

B'daħka Flask jgħid li din hi xi ħaġa li jiċċajtaw biha bejniethom iżda jenfasizza li hi biss ċajta għax bħala grupp huma għandhom għal-qalbhom l-attiviżmu mhux il-poter.

Jgħid li għalkemm minn barra l-partiti, l-affarijiet xorta jippruvaw jirranġawhom u jbiddluhom filwaqt li kienu parteċipi anke f'konsultazzjonijiet li ħarġu min-naħa tal-Gvern. 

Fosthom ġab l-eżempju tar-riforma tal-Gvern li l-moviment kien faħħar anke jekk l-oppożizzjoni kienet kontra, dik fil-qasam tal-kera, li skont Flask kienet riforma li ilha biex issir u li “bħala għandha ssegwi r-riforma tal-bdiewa.” 

“L-ikbar ġlidiet tagħna, l-oppożizzjoni qatt ma tkellmet fuqhom inkluż il-kwistjoni tat-toroq. Jekk nieħdu l-kwistjoni ta’ Ħad-Dingli, l-oppożizzjoni ma qalet assolutament xejn. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, u din mija fil-mija, ir-rappreżentant tal-PN ngħata promozzjoni ma’ Infrastructure Malta (IM), mar jaħdem hemm u meta wasal il-vot fuq it-triq, dan it-tali ivvota favur. Allura kif nistgħu nafdaw l-oppożizzjoni b’dan il-mod?”

Fuq dan l-istess punt, Flask sostna li anke l-Kelliem għat-Transport u l-Infrastruttura, id-Deputat Nazzjonalista, Toni Bezzina hu “kompletament inkompetenti u assolutament mhux tal-livell biex jiddibbati l-iktar Ministru b’saħħtu li għandu l-Gvern Laburista.”

Rigward dan hu tenna li hemm drabi fejn l-oppożizzjoni baqgħet siekta “ma tmurx ixellef il-ftit negozjanti li għadhom leali lejn il-partit”.
Intant b’xi mod il-poplu Malti qiegħed jaqbel li kemm il-Partit Laburista u kemm il-Partit Nazzjonalista qegħdin fil-bwiet tal-kuntratturi, allura l-Moviment Graffitti x’inhuma jipproponu?

L-attivist wieġeb li jemmen li s-sistema trid tinbidel kollha. Hu żvela li l-moviment ilu jaħdem xhur fuq serje ta proposti, anke fuq il-qasam kostituzzjonali propju fuq dan ir-rigward.

“Il-partiti ma jistgħux jibqgħu jiġu ffinanzjati mill-flejjes privati, ma jistgħux jibqgħu ma jħallsux il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, ma jistgħux jibqgħu jieħdu tpartit mingħand kuntratturi u żviluppaturi. Din is-sistema trid tinqered għal kollox.”

‘Diġà ħriġt, lanqas sena u nofs wara, tipponta biex terġa tirritorna?’

Nitkellmu fil-qosor dwar l-intervista ta’ Joseph Muscat li ħarġet minn ġurnali lokali fl-aħħar jiem. 

Wayne Flask jammetti li ħassu diżgustat meta segwa l-intervista u ma setax jemmen kif l-eks Prim Ministru ħass li kellu jagħti l-intervista meta “il-ħmieġ kollu taħt l-amministrazzjoni tiegħu għadu lanqas biss ħareg kollu.” 

Huwa qal ukoll li jekk Muscat se jibqa’ jiddefendi persuna li tkeċċiet eżatt kif hu rriżenja, mela “Muscat mhux kontinwità jrid. Dan irid ili jirritorna lejn iż-żminijiet tad-deheb tiegħu personali qisu ma ġara xejn. Qisa ma nqatlitx Caruana Galizia, qisu ma kienx hawn l-iskandli, qishom ma ntefqux miljuni kbar mit-taxxi tal-Maltin li marru direttament fil-bwiet ta’ individwi”

Flask jgħid li tal-aħħar dejjem isemmieha, apposta għaliex hi bbażata fuq l-istess narrativa, ir-rettorika li kien juża Muscat stess qabel l-2013 fuq il-koruzzjoni.

“Frankament Muscat għalija kien diżappunt kbir, bħala bniedem li trabba f’familja Laburista kien diżappunt kbir. Kien il-bniedem li dawwarni effettivament biex ma nivvutax iktar lill-PL. Mhux minħabba biss il-fehmiet politiċi tiegħu iżda anke dak li ġara fi żmienu. Muscat jagħmel għajb għal dawk il-Laburisti li dan il-ħmieġ iddejaqhom.”

Meta mistoqsi jekk Muscat kellux jiġi arrestat, Flask jgħid li ma jafx jekk hemmx evidenza kriminali kontra Muscat, iżda jekk hemm il-provi u ma ttihdietx azzjoni dak każ iehor. 

‘Aħna m’aħniex kontra kollox, din hija immaġini li jħobb jaghti l-Ministru’

Mediatoday għamlet numru ta’ sondaġġi matul is-snin dwar proġetti infrastrutturali speċifikament it-toroq, bil-maġġoranza jirriżultaw favur tali proġetti. Uħud minn dawn ġew ippubblikati fuq il-gazzetta ILLUM.

Dawn is-sondaġġi saru wkoll anke fuq proġetti kontroversjali bħal dawk tas-Central Link li l-Moviment Graffitti kienu minn tal-ewwel biex jikkritikaw. Jekk is-sondaġġi kienu favur dawn it-tip ta’ proġetti, għaliex il-moviment joħroġ kontra?

Mal-ewwel Flask sostna li l-moviment mhumiex kontra kollox għal kuntrarju tal-immagini “li jħobb jagħti l-ministru.” Semma li huma kontra t-toroq li jittieħdu mill-għelieqi tal-bdiewa, li jittieħdu mill-ispazji pubbliċi iżda huma ukoll kontra wkoll “il-kultura tal-karozzi.”

Skont hu f’Malta għandna kultura tal-karozzi li mhux se tinbidel minħabba lobbying li jsir fil-pajjiż minn importaturi tal-karozzi u l-fuels. Skont hu din l-istess raġuni għaliex it-transport pubbliku għadu mhuwiex għal-livell li jixraq lil Stat Ewropew. 

Għaldaqstant hu jemmen ukoll li l-aspirazzjonijiet tan-nies tħallew baxxi f’dan ir-rigward.

“Inti jekk in-nies ma tagħtihomx għażliet vijabli ovvja li se jgħidu iva għat-toroq ... immaġina n-nies tal-lokal u t-turisti maqbudin fit-traffiku u t-transport pubbliku li mhux jaqdihom. Din hi is-sitwazzjoni. Għandna alternattiva oħra għal pubbliku?” 

‘Malta ma kienx ħaqqa l-grey listing tal-FATF'

L-ILLUM staqsiet lil Flask jekk jaħsibx li seħħ progress f’termini ta’ governanza u s-saltna tad-dritt.

Hu wieġeb li jemmen bi sħiħ li Robert Abela għamel xi tibdiliet fil-qasam tal-governanza filwaqt li jemmen ukoll li fir-rigward tal-FATF ġietu ħażina u Malta ma kienx ħaqqa l-grey listing. Madankollu jgħid ukoll li hemm bosta oqsma li ħadd ma ta kashom fejn jidħlu is-saltna tad-dritt.

“Naħseb li għad hemm ħafna arranġamenti li kienu saru fi żmien il-Gvern ta’ Muscat u li l-Gvern ta’ Abela jrid jonora. Speċjalment mal-privat, nemmen li l-marina hi wahda minnhom. Għandek aġenziji tal-Gvern li huma stess qegħdin jiksru il-liġi bħal meta l-IM ma tħallasx l-esproprijazzjoni "

Saħaq li s-saltna tad-dritt ma tiqafx mal-politiċi jew fil-Parlament, is-saltna tad-dritt tinvolvi anke s-settur taċ-ċivil, tinvolvi l-awtoritajiet, tinvolvi anke l-oppożizzjoni u n- negozzju ukoll. 

“Naħseb li għadna lura hafna. Sar dak li jkellu jsir minħabba pressjonjiet minn barra minn Malta u l-problemi interni tagħna li fi Brussel qatt ma nstemgħu, dawk mela mhux problemi.” 

Dritt għal risposta David Vassallo

"Mhux veru li l-Oppożizzjoni ma qalet xejn fuq il-kwistjoni tant li ħarġet stqarrija nhar it-2 ta’ Ottubru 2020 (kopja annessa);

  • Il-pożizzjoni tiegħi fuq dan is-suġġett kienet u għadha dik tal-Partit Nazzjonalista kif espressa fl-istess stqarrija;
  •  Ili naħdem fis-settur pubbliku fil-qasam tal-kostruzzjoni tat-toroq għal 21 sena fejn dħalt fis-sena 2000 f’dak li kien ir-Dipartiment tat-Toroq u eventwalment imxejt għall-ADT, imbagħad TM u llum IM. Fl-2012 bdejt nokkupa l-kariga ta’ “Unit Head (Infrastructure Maintenance)” fi ħdan TM, li hija l-istess kariga li għandi llum fi ħdan IM.
  • Dawn l-attakki u gideb fuqi mhux se jaqtgħuli qalbi milli nkompli niġġieled l-iżvilupp bla rażan li qed ikisser lil Ħad-Dingli, bħalma għamilt fl-aħħar xhur fost l-oħrajn kontra l-binja monstruża proposta għad-daħla tar-raħal kif ukoll għall-proposta tal-bini ta’ kumpless ta’ vilel fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli f’zona ta’ Natura 2000.

More in Politika