Il-PN mhux sejjer lura mid-deċiżjoni tal-Gvern ta' Gonzi li jestendi ż-żoni tal-bini

Mistoqsi dwar l-estensjoni taż-żoni tal-bini li seħħet lura fl-2006, Bernard Grech assigura li hu mhux se jkun qed imur lura mid-deċiżjoni

Kmieni illum, il-Partit Nazzjonalista waqqaf l-imsejjaħ ‘PN Greens’, grupp ta’ azzjoni li se jkun immexxi mill-kandidata għall-elezzjoni ġenerali, Janice Chetcuti. 

Mistoqsi dwar l-estensjoni taż-żoni tal-bini li seħħet lura fl-2006 mill-Gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi, Bernard Grech assigura li hu mhux se jkun qed imur lura mid-deċiżjoni li ħa l-Gvern dak iż-żmien. 

Fl-2006 kemm il-Gvern taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista kif ukoll il-MEPA kienu qalu li Malta kellha biżżejjed art għal aktar żvilupp tal-bini. Gvern Nazzjonalista permezz tal-MEPA, kien iddeċieda li jżid iż-żoni tal-iżvilupp biex l-art li setgħet tkun żviluppata wara l-2006 intqal li kienet tkopri l-istess art daqs is-Siġġiewi. Din id-deċiżjoni ntlaqgħet b'oppożizzjoni u kritika kbira minn diversi għaqdiet ambjentali u waslet ukoll għal protesti kontra l-MEPA, il-Gvern u speċifikament l-eks Ministru George Pullicino. 

Sal-ġurnata tal-lum, il-Partit Laburista għadu jpoġġi ħafna mill-ħtija tal-iżvilupp urban fuq id-deċiżjoni li kien ħa l-Gvern ta' Gonzi fl-2006.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss ma rrikonoxxiex li numru ta' kontroversji ambjentali tal-preżent huma frott dik l-istess deċiżjoni talli nsista li l-Gvern Laburista jaħti għall-iżvilupp tal-aħħar snin. 

Intant hu qal li l-PN għandu għal qalbu l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. 

Dan kollu kien intqal dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Bernard Grech stess u akkumpanjat minn Janice Chetchuti kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-partit Michael Piccinino. 

Min-naħa tagħhom Piccinino u Chetcuti qalu li l-PN se jibqa’ miftuħ għal kull min jixtieq jikkontribwixxi inkluż attivisti oħra bħalha u NGOs.

Intant ara kif wieġeb il-Kap Nazzjonalista dwar proposti ta' Yacht Marinas f'Wied il-Għajn u lilhinn minnha.

More in Politika