Le għal marina f'Wied il-Għajn iżda ma jeskludix marinas f'lokalitajiet oħra

Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech, f'konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista 

F'konferenza tal-aħbarijiet li matulha il-Partit Nazzjonalista nieda grupp ta' azzjoni ġdid għall-ambjent, is-sit illum.com.mt staqsa lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, jekk jaħsibhiex l-istess fuq il-proposti ta' Yacht Marinas f'lokalitajiet oħra bħal dawk fix-Xemxija, bl-istess mod li jaħsibha fuq dik ta' Wied il-Għajn.

Bernard Grech wieġeb li fil-fehma tiegħu dak li hu porpost f'Marsaskala "hu abborenti u mhux aċċettabbli." Hu sostna li bħala partit, il-PN se jibqa mar-residenti Skalin u mal-poplu, b'mod speċjali dawk li jridu jgawdu r-raħal ta' Marsaskala. 

"Ma rridx u mhux se nħalli lill-ftit jaħtfu l-proprjetà, it-tgawdija u l-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna," qal Grech filwaqt li tenna li "taħtu bħala Prim Ministru, dan mhux se jkun aċċettabbli."

Madankollu Bernard Grech ma jeskludix li jsiru yacht marinas f'lokalitajiet oħra. 

"Dan iżda ma jfissirx li m’għandux ikun hemm orgnanizazzjoni ta’ dgħajjes. Ma jfissirx li ma jkunx hemm organizazzjoni aħjar u regolamentazzjoni aħjar ta' użu ta’ spazji pubbliċi anke, marinas oħrajn li jista' jkun hemm proposti."

Marina oħra kienet proposta fil-lokalità tax-Xemxija fil-bidu ta' din is-sena iżda x-xogħlijiet lilhinn mill-Beachaven twaqqfu wara li l-Qorti laqgħet mandat ta' inibizzjoni li fetħu s-sidien tan-nightclub. Is-sidien kienu saħqu li x-xogħlijiet kienu illegali u qed isiru fuq tender ta' Transport Malta li kien revokat snin ilu. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nsista li bħala Kap tal-Oppożizzjoni jista jgħid biss il-fehma tiegħu iżda bħala Prim Ministru jista jagħmel pjan li jinkludi żvilupp sostenibbli li permezz tiegħu "kulħadd jista' jkollu użu reġonevoli tal-ispazji pubbliċi imma b’mod limitat u b’ħarsien sħiħ tal-pubbliku ġenerali." 

Ara l-konferenza tal-aħbarijiet hawn:

More in Politika