Yorgen Fenech mill-ġdid il-Qorti; Akkużat ma' kollegi tiegħu b'ħasil ta' flus u frodi

Ma' Yorgen Fenech tressqu l-Qorti aktar persuni fosthom eks kollegi tiegħu involuti fil-kumpanija tal-gaming Glimmer Ltd li Fenech huwa sid tagħha flimkien ma' zijuh Ray

Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, tressaq mill-ġdid il-Qorti, din id-darba biex jiffaċċja akkużi dwar reati finanzjarji li jinvolvu l-kumpanija tal-gaming Glimmer Ltd. Miegħu ġew akkużati wkoll diversi persuni oħra, fosthom kollegi involuti f'din l-istess kumpanija.

Hu mifhum li Fenech ilu xhur ikun investigat mit-Taqsima tal-Pulizija għar-Reati Finanzjarji b'rabta ma' din il-kumpanija li huwa involut fiha. Illum ġie akkużat b'ħasil ta' flus li wettaq bejn April u Ottubru tal-2019 meta kkonverta jew inkella ttrasferixxa proprjetà li kien jaf li ġejja minn attività kriminali.

Huwa akkużat ukoll b'miżaproprijazzjoni ta' fondi għad-dettriment tal-kumpanija Glimmer Ltd u li ffroda din il-kumpanija b'ammont li jaqbeż il-€5,000.

Hu mifhum li Fenech huwa shareholder f'din il-kumpanija flimkien ma' zijuh Ray Fenech.

Mistoqsi x'wassal għal dawn l-akkużi, l-Ispettur Brian Paul Camilleri qal li l-Pulizija hija fil-pussess ta' informazzjoni elettronika li nġabret f'investigazzjoni seperata. Spjega li dawn il-messaġġi jinvolvu attività kriminali minn terzi persuni. 

L-Avukat Charles Mercieca, wieħed mill-avukati li qed jidher għall-Fenech qal li dawn il-messaġġi ilhom f'id il-Pulizija għal sentejn u meta wieħed iqis id-danni inkwistjoni, jista' jistaqsi l-urġenza ta' dan il-każ.

Mercieca staqsa wkoll lill-Prosekuzzjoni biex tikkwantifika l-ammonti msemmija fl-akkużi, jiġifieri l-ammont ta' flus li Fenech qed ikun akkużat li ffroda. Madanakollu, l-Avukata Cinzia Azzopardi Alamango, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali saħqet li l-liġi hija ċara u li l-informazzjoni mitluba mhijiex relevanti f'dan l-istadju. 

Mercieca baqa' jisħaq li huma ġew infurmati li l-ammont inkwistjoni ma jaqbiżx il-€5,000.

Meta mistoqsi mill-Qorti, Yorgen Fenech qal li hu jgħix fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u fakkar lill-Qorti li huwa negozjant li ilu ma jaħdem għal dawn l-aħħar sentejn. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

Il-Prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar tal-assi tal-akkużat, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti.

Nicholas Cachia u missieru Joseph Cachia jinżammu arrestati

Fl-istess seduta, tressqu wkoll il-Qorti Nicholas Cachia ta' 46 sena minn Ħ'Attard u missieru Joseph Cachia, pensjonant ta' 67 sena. Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi. It-tnejn li huma qed ikunu akkużati b'ħasil ta' flus, filwaqt li Nicholas Cachia qed ikun akkużat ukoll b'miżaproprijazzjoni.

Il-prosekuzzjoni qalet li tinsab fil-pussess ta' informazzjoni, elevata minn tagħmir elettroniku li juru messaġġi ta' Nicholas Cachia u li jirreferu wkoll għal Joseph Cachia. Din l-informazzjoni wasslet għall-arrest taż-żewġ persuni. Madanakollu, l-Avukat Matthew Brincat li qed jidher għall-akkużati, staqsa għal raġuni waħda għaliex Joseph Cachia kellu jkun arrestat waqt li saħaq li persuna ma għandhiex tkun arrestata sempliċiment għax tissemma f'messaġġi.

Anke hawn, il-Prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar tal-assi taż-żewġ akkużi. Id-Difiża oġġezzjonat fil-każ ta' Joseph Cachia iżda mhux għall-assi ta' ibnu Nicholas. Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll kif l-akkużi għandhom assi barra minn xtutna, inkluż xi żwiemel, u din kienet parti mir-raġuni għaliex oġġezzjonat ukoll għall-ħelsien mill-arrest. 

Madanakollu d-Difiża baqgħet tinsisti u saħqet li hemm persuni, fosthom Adrian Hillman, li huma akkużati b'ħasil ta' flus ta' eluf kbar u li xorta ngħataw il-ħelsien mill-arrest.

Minkejja dawn l-argumenti, il-Qorti ċaħdet l-argumenti tad-Difiża u ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-akkużati u anke biex jinżammu arrestati. 

Iċ-Chief Operations Officer u direttur tal-kumpanija wkoll jitressqu l-Qorti

Wara kien imiss li jitressqu wkoll Anthony Farrugia u Patrick Demanuele. Demanuele huwa ċ-Chief Operations Officer ta' Glimmer Ltd filwaqt li Farrugia huwa eks direttur tal-istess kumpanija. It-tnejn li huma ċaħdu l-akkużi.

Jidher li ż-żewġ persuni kienu arrestati f'Marzu li għadda u minn dak iż-żmien kienu fuq police bail. Id-Difiża bdiet targumenta li l-persuni kienu arrestati u investigati fuq akkużi ta' ħasil ta' flus u fl-ebda ħin ma ġew infurmati li kienu investigati jew li se jitressqu akkużati b'reati oħra. Għalhekk, id-Difiża saħqet li l-arrest tagħhom mhuwiex wieħed validu.

Saħansitra, l-Avukat Steven Tonna Lowell, akkuża lill-Avukat Ġenerali li qed jivvinta l-akkużi u insista li se jkun qed juri lill-Qorti kif dawn l-akkużi huma kollha vvintati. Meta sfida lill-Prosekuzzjoni biex tgħid x'evidenza għandha f'idha, l-Ispettur insista li dan mhux se jsir f'dan l-istadju.

Huwa kompla jargumenta kontra li l-irġiel jinżammu arrestati. Insista li għandhom il-kondotta nadifa u li persuna tmur il-ħabs hija xi ħaġa serja ħafna. "Ikkoperaw mal-Pulizija. X'inhu l-punt li jispiċċaw il-ħabs?" staqsa.

Minkejja dawn l-argumenti kollha, anke f'dan il-każ, iż-żewġ persuni nżammu arrestati.

Aktar qabel

Inqas minn ġimgħa ilu, Yorgen Fenech tressaq il-Qorti akkużat ukoll b'akkużi ġodda, din id-darba minħabba x-xiri illegali ta' armi u munizzjon, bil-kumpilazzjoni tal-evidenza dwar dan il-każ mistennija tibda nhar il-Ġimgħa.

Fenech kien tpoġġa wkoll taħt att ta' akkuża b'rabta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Ġenerali qed jitlob il-piena ta' għomor il-ħabs għal dak li kien wieħed mill-akbar negozjanti f'Malta. 

L-akkużat huwa wkoll is-sid tal-kumpanija 17 Black, liema kumpanija kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpaniji fil-Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi u tal-eks Chief of Staff Keith Schembri. Dan tal-aħħar ukoll qed jiffaċċja akkużi ta' reati finanzjarji, fosthom ħasil ta' flus u frodi.

More in Politika