Inkjesta indipendenti tikkonkludi li ma kienx hemm tibdil fil-marki tal-eżamijiet annwali ta’ Year 11

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ppubblikat b’mod sħiħ ir-Rapport tal-Inkjesta

Skont ir-rapport tal-Inkjesta dwar riżultati tal-eżamijiet annwali ta’ Year 11 ma jirriżultax li kien hemm tibdil fil-marki ta’ studenti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ppubblikat b’mod sħiħ ir-Rapport tal-Inkjesta dwar ir-riżultati tal-eżamijiet annwali ta’ Year 11.

Il-Ministru kienet ħatret bord ta’ inkjesta indipendenti biex jinvestiga allegazzjonijiet tal-Union tal-Għalliema, l-MUT, li fir-riżultati tal-eżamijiet imsemmija kien hemm tibdil fil-marki.

Skont ir-rapport, l-ewwel ilment kien sar minn għalliema fil-Kulleġġ Santa Margerita. Kienet innutat li l-marki ta' wħud mill-istudenti tagħha li ma attendewx għall-eżamijiet finali jew li kienu ħafna assenti matul is-sena, ma kinux jirriflettu l-marki mogħtija minnha.

Madanakollu, irriżulta li kienu ħarġu tliet ċirkolari, li tqassmu fl-iskejjel u li fihom kien ġie spjegat li l-Education Assessment Unit se jkun qed jaddotta mudell differenti biex studenti tal-Year 11 li ma setawx jattendu l-iskola jew għall-eżami għax kienu vulnerabbli jew inkella kienu taħt kwarantina mandatorja, xorta waħda jingħataw marka.

Fi stqarrija, il-Ministru Justyne Caruana qalet li hija sodisfatta li r-rapport jgħid ċar li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-marki.

Qalet li r-rapport jagħti diversi rakkomandazzjonijiet għal titjib li għandu jkun hemm fis-sistema, u filwaqt li se tanalizzahom, se tara wkoll li dawn ikunu implimentati kemm jista’ jkun malajr.

More in Politika