Bernard Grech jgħid li qed jintbagħtu emails foloz f'ismu; 'Qed jippruvaw jagħmlu ħsara lill-Oppożizzjoni'

Jisħaq li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jiltaqgħu b’urġenza biex jiżguraw li l-liġijiet li jirregolaw is-Cybercrime jissaħħu qabel l-elezzjoni li ġejja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, saħaq li emails foloz qed jiċċirkolaw f'ismu. Insista li din hija parti minn kampanja mifruxa ta’ diżinformazzjoni f'Malta.

Fakkar li dan mhuwiex każ iżolat u semma siti ta' aħbarijiet li twaqqfu biex ixerrdu aħbarijiet foloz deliberatament.

"Dawn huma tattiċi antidemokratiċi perikolużi. Ma nistgħux inħalluhom jibqgħu bla kastig. Ma nistgħux naċċettaw li nsaħħu l-kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil ta' ġurnalista," insista Grech.

Fuq Facebook kompla jinsisti li t-taqsima tas-Cybercrime tal-Pulizija jeħtieġ li tissaħħaħ u l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jiltaqgħu b’urġenza biex jiżguraw li l-liġijiet li jirregolaw is-Cybercrime jissaħħu qabel l-elezzjoni li ġejja.

"Robert Abela ma jistax jibqa’ sieket dwar dan. Is-skiet huwa kompliċità. Aħna mhux se nibqgħu siekta," temm jisħaq. 

More in Politika