'Ma ngħaddux lin-nies minn għajn il-labra li għax issir marina Wied il-Għajn se jieħu r-ruħ'

Id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef jerġa' jiftaħ il-kanuni kontra l-proġett propost ta' yacht marina f'Wied il-Għajn - u jgħid li dan "il-proġett la ġej mill-Partit Laburista u lanqas mill-Prim Ministru." Jappella biex ħadd ma jidħak bin-nies...

Id-Deputat Jean Claude Micallef
Id-Deputat Jean Claude Micallef

"Ejja ma nippruvaw ngħaddu lil ħadd minn għajn il-labra li għax issir marina massiċċa, Wied il-Għajn se jieħu r-ruħ." Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM id-Deputat Laburista u kandidat tal-PL fuq it-Tielet Distrett Jean Claude Micallef li ħareġ qatta bla ħabel kontra proposta ta' marina f'Wied il-Għajn - kif għamlu diversi residenti u anke l-Kunsill Lokali tal-istess lokalità.  Huwa qal ukoll illi dan il-proġett "la ġej mill-Partit Laburista u lanqas mill-Prim Ministru."

Mistoqsi mill-gazzetta ILLUM jispjega hux qed jgħid li l-Prim Ministru huwa kontra dan il-proġett, hu ma weġibx b'mod dirett u jfakkar biss li l-PM jgħix Wied il-Għajn, fejn huwa kandidat hu, u li hu dejjem mexa' "kull pass parlamentari ma' Robert Abela u hekk se nibqa' nagħmel!"
Sa issa l-PM Abela għadu ma esprimiex ruħu dwar dan il-proġett li attira kritika qawwija, vot kontra kważi unanimu fil-Kunsill Lokali u protesta nhar il-Ġimgħa filgħaxija minn diversi residenti flimkien ma' għadqiet ambjentali u l-Moviment Graffitti.

'Ma rridx li Wied il-Għajn jiġi fgat'

Mingħajr wisq tidwir mal-lewża Micallef sostna illi huwa kontra li Wied il-Għajn "jiġi fgat" daqs kemm jgħid li huwa kontra "wkoll kull min għadu jifga' ġenerazzjonijiet sħaħ li jikbru ma' Marsaskala Waterpolo billi ittieħdet il-pixxina u proġett li kellu jitwettaq sentejn ilu għadu ma mmaterjalizzax." Huwa kien qed jirreferi għall-proġett tal-Waterpolo li kien imwiegħed li ser isir meta l-grupp Sadeen ħadu biċċa art kbira fil-Ponta taż-Żonqor biex fuqha tinbena parti mill-Università Amerikana ta' Malta - proġett li baqa' qatt ma beda hekk kif il-popolazzjoni studenteska baqgħet waħda baxxa mmens. 

Micallef insista li hu jweġġa meta jara dawk li jsejjaħ "interessi ulterjuri" li jgħid illi "jiżbqu l-vera interess li tagħmel lil Marsaskala hub ekonomiku u turistiku. "Bħal bqija tal-kunsilliera li weġġgħu meta minn wara darahom ġie maħluq sottokumitat għar-riġenerazzjoni ta' Wied il-Għajn, bl-istess mod weġgajt meta lejlet Santa Marija tfaċċaw dokumenti (dwar il-marina) oxxeni minn wara dahar kulħadd."

Hu saħaq li huwa l-obbligu tiegħu li jitkellem f'isem dawk li eleġġewh, "għax huwa dritt tiegħi li ma nħalli lil ħadd jagħmel bżieq fuq imneħirna." 

'Mhux se niġġieled ma' Ian Borg, qed niġġieled għan-nies ta' Wied il-Għajn'

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Micallef jekk il-Prim Ministru kellmux dwar il-pożizzjoni li ħa, anke fid-dawl tal-fatt li l-Ministru Ian Borg jidher li ħa pożizzjoni pjuttost favorevoli għal dan il-proġett. Innutat ukoll li l-Ministru Borg, probabbilment ma ħax wisq pjaċir bi kliemu. 

Huwa jwieġeb mill-ewwel illi hu mhux se  jiġġieled ma' Ian Borg, "imma qed niġġieled għan-nies ta' Marsaskala." Huwa jsemmi kif sena u nofs ilu, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Marsaxlokk, sidien ta' ristoranti u kooperattivi tas-sajjieda ressaq pjan biex f'Marsaxlokk jinbena breakwater ta' 340 metru li apparti li jipproteġi x-xatt u l-bċejjeċ tal-baħar, "joħloq kemm marina u anke bajja ġdida imma xorta jżomm il-karatteristiċi tradizzjonali tal-irmiġġ."

Fuq nota differenti jfakkar li huwa ppropona wkoll lill-Ministru Borg u anke lill-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia biex ikun hemm rikonoxximent ta' min jipprattika d-delizzju tal-Caravans u l-Camping. "Ġibt rispett il-pożizzjoni tat-tnejn li huma u ħallejt f'idejhom u l-entitajiet responsabbli minnhom biex iwettqu minflok ma ressaqt private members bill," sostna Micallef mal-ILLUM. 

Lura fuq marina proposta minn Transport Malta huwa saħaq illi tmur "kontra l-loġika li wieħed jippersisti" favur tagħha kif inhi.
Huwa jisħaq li ma jifhimx għaliex l-awtoritajiet għandhom jimxu b'mod differenti fuq il-marina ta' Wied il-Għajn - li jfakkar illi l-Kunsill kontriha - minn dak li ppropona hu f'Marsaxlokk, fejn il-Kunsill huwa favur!

"Qed infhemek il-loġika tal-azzjonijiet tiegħi u nerfa' responsabbiltà tagħhom - bħal kull pass li għamilt - għaliex sakemm indum fil-politika nibqa' nġib priorità l-interess tan-nies li nirrappreżenta."

Għal mistoqsija ta' din il-gazzetta jekk jaħsibx li din il-pożizzjoni se tnaffar lill-PL jew votanti tiegħu minnu huwa qal li hu jifforma parti minn partit "li jagħraf jagħżel l-aqwa kandidati għal kull distrett biex ikunu vuċi soda għal dak li jemmnu u jwettqu politika ta' ġid ... dak li qed nagħmel u l-votanti ta' Wied il-Għajn u 'l bqija tad-distrett jitkellmu ċar, bil-vot fl-elezzjoni ġenerali li jmiss," temm jisħaq id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef ma' din il-gazzetta. 

More in Politika