'L-inkjesta ilha xahar li ġiet ippubblikata u l-Gvern għadu ma għamel xejn' - PN

Emma Portelli Bonnici mill-kampanja tal-PN #QattAktar tgħid li l-eks Deputat Mexxej Laburista u l-avukat Joe Brincat qed jintuża mill-Partit Laburista biex dan jipprova jimmina din l-inkjesta

"L-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ilha xahar li ġiet ippubblikata u l-Gvern għadu m’għamel xejn biex jibda jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Bord tal-Imħallfin." Hekk sostniet fi stqarrija Emma Portelli Bonnici Koordinatriċi tal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista #QattAktar.

Hi qalet li dan mhuwiex sorpriża għax - skont hi - min saħħaħ il-kultura tax-xejn mhu xejn " ma jistax ikun is-soluzzjoni biex Malta tikseb lura r-reputazzjoni tajba u jkun hawn serħan il-moħħ għal kulħadd."

Hija akkużat lill-eks Deputat Mexxej Laburista u l-avukat Joe Brincat illi qed jintuża mill-Partit Laburista biex jipprova jimmina din l-inkjesta 

Fl-istqarrija hija qalet li l-PN qed jerġa jsostni li l-pajjiż kollu jrid jara li l-Istat Malti jieħu t-triq it-tajba biex ifiq minn dan il-kapitlu ikrah fl-istorja ta’ Malta. "Il-Partit Nazzjonalista hu determinat li jwettaq il-bidliet meħtieġa biex jiżgura li l-għajb li sar ma jerġa jseħħ qatt iktar."

Il-grupp ta’ ħidma diġa kellu numru ta’ sessjonijiet u qed jiltaqa’ ma’ stakeholders differenti. L-għan primarju tal-grupp #QattAktar huwa t-tħaris tas-saltna tad-dritt, it-tisħiħ tad-dritt għall-informazzjoni u xandir pubbliku u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. 

"Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jara li mhux biss issir ġustizzja fil-każ Daphne Caruana Galizia iżda jimpenja ruħu li jkun fuq quddiem biex issir il-bidla li hemm bżonn biex il-Maltin jerġgħu iħossuhom iktar kburin b’pajjiżna," itemm tgħid l-istqarrija. 

More in Politika