Sinjali ċari ta' rkupru! L-ekonomija ta' Malta tikber b'14.8% fit-tieni kwart tal-2021

Żieda fl-attività ekonomika f'diversi setturi, imma b'mod speċjali f'dak tal-akkomodazzjoni u ristoranti bi +165% meta mqabbel mat-tieni kwart tas-sena l-oħra - meta ħafna negozji kienu magħluqin

L-ekonomija qed tirpilja...
L-ekonomija qed tirpilja...

Stimi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jindikaw illi fit-tieni kwart ta' dan is-sena il-Prodott Gross Domestiku (GDP) - u allura l-ġid maħluq fl-ekonomija tal-pajjiż - kien ta' kważi €3.5 biljun (€3.47 biljun), li hija żieda ta' €448.6 miljun jew 14.8% meta kkumparat mal-2020. F'termini ta' volum il-GDP żdied bi 13% wara tnaqqis ta' 15% is-sena l-oħra riżultat tal-pandemija. 

Dawn in-numri jindikaw allura rkupru ċar tal-ekonomija Maltija hekk kif diversi negozji issa reġgħu fetħu u ħafna mill-miżuri marbutin mal-pandemija tal-Covid-19 tneħħew, dan filwaqt li 90% tal-poplu Malti huwa vvaċinat u allura s-sens ta' ottimiżmu u kunfidenza din is-sena huwa ħafna ogħla mill-2020.

Is-setturi li raw l-akbar tkabbir kienu dawk tas-Servizzi bi +10.7% u l-industrija bi +1.4%

Iż-żieda fis-servizzi kienet prinċipalment imbuttata mis-setturi tal-Bejgħ bl-imnut (Wholesale and Retail), tiswija ta' vetturi u muturi b'21.2%, Is-settur tal-Arti, divertiment u rikreazzjoni bi tkabbir ta' 17.2%, is-settur tal-Finanzi u Assigurazzjoni b'11.6%, Informazzjoni u Komunikazzjoni b'9.8% u Akkomodazzjoni u servizzi ta' ikel (ristorantti...) b'żieda qawwija ħafna ta' 165.4%. 

Ta' min jinnota li din iż-żieda qawwija fl-aħħar settur hija riżultat tal-fatt illi f'ħafna mit-tieni kwart tas-sena 2020 lukandi u ristoranti kienu magħluqin filwaqt li t-turiżmu kien non-eżistenti, hekk kif ħafna ajruporti kienu "magħluqin".

More in Politika