Informazzjoni mill-mobile mitluf ta' Keith Schembri għadha teżisti u l-avukati ta' Yorgen iridu jarawha

L-avukati ta' Yorgen Fenech qed jitolbu l-Imħallef biex l-informazzjoni mill-mobile ta' Keith Schembri tkun esebita 

L-avukati ta’ Yorgen Fenech talbu lill-Imħallef jordna lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex juri l-informazzjoni skoperta mill-mobile ta’ Keith Schembri fil-Każ Kostituzzjonali fejn Fenech qed jitlob it-tneħħija tal-investigatur ewlieni tal-pulizija fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-Każ Kostituzzjonali jidher li kien għaddej bir-ritmu normali tiegħu u kellu jiġi fit-tmiemu f’Novembru, iżda fl-applikazzjoni ppreżentata aktar kmieni dan ix-xahar, l-avukati difensuri jgħidu li l-pulizija reċentement ħadu pussess tal-informazzjoni mill-mobile ta’ Keith Schembri.

L-informazzjoni hija ammissibbli peress li ma setgħetx tiġi esibita qabel ma ngħalqu l-provi, sostnew l-avukati, peress li dak iż-żmien kien maħsub li ntilfet għal dejjem.

"Illum ħareġ li dan jista' ma jkunx minnu, għax hemm estrazzjoni tat-telefonati ċellulari fil-pussess tal-pulizija."

Barra minn hekk, sostnew l-avukati, il-Qorti kienet diġà awtorizzat lill-Avukat tal-Istat biex jippreżenta provi wara li l-każ ġie differit għas-sentenza u għalhekk bl-istess miżura, Yorgen Fenech għandu jitħalla jagħmel dan ukoll.

“Il-każ preżenti mhuwiex wieħed ordinarju u ma jittrattax ċirkostanzi normali. Il-każ jittratta persuni li kienu parti mill-ogħla amministrazzjoni tal-pajjiż. Ġie ppruvat li dawn il-persuni ħadmu biex jeqirdu l-evidenza u għadhom jaħdmu biex jevadu l-ġustizzja,” sostnew l-avukati difensuri.

More in Politika