L-Air Malta twassal fil-Libja 40,000 doża tal-vaċċin u testijiet rapidi mogħtija minn Malta

L-Air Malta saħqet li hija kuntenta li hi parti minn dan l-isforz globali biex jiġi ttrasportat il-vaċċin u jiġu mgħejjuna pajjiżi ġirien

Ritratt juri l-ajruplan tal-ajru tal-Air Malta fl-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli waqt il-ħatt tal-vaċċini. Ritratt: Il-Kaptan Frank Scerri.
Ritratt juri l-ajruplan tal-ajru tal-Air Malta fl-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli waqt il-ħatt tal-vaċċini. Ritratt: Il-Kaptan Frank Scerri.

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, ilbieraħ ġarret lejn il-Libja 40,000 vaċċin tal-Covid-19 u numru simili ta’ testijiet rapidi mogħtija minn Malta. 

It-titjira kienet operata lejn l-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli.

Id-direttur reġjonali tal-WHO Hans Kluge rringrazzja lill-Gvern Malti għas-solidarjetà murija mal-Libja fuq Tweet li hu bagħat.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li hija kuntenta li hi parti minn dan l-isforz globali biex jiġi ttrasportat il-vaċċin u jiġu mgħejjuna pajjiżi ġirien u komunitajiet oħra li hi sservi.

"Matul il-pandemija l-linja tal-ajru kienet strumentali għall-Gżejjer Maltin billi ġarr mijiet ta’ tunnellati ta’ merkanzija li kienu jinkludu vaċċini, mediċini, provvisti mediċi, u tagħmir protettiv personali," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika