Analiżi | Ħafna paġni, imma erba' tagħlimiet kruċjali mir-Rapport tal-Inkjesta!

Sar ħafna storbju ġustifikat, inkitbu ħafna artikli, ttellgħu ħafna statuses, saru ħafna sfidi biex jitkeċċa dak jew l-ieħor - imma fl-aħħar mill-aħħar x'inhuma l-aktar affarijiet importanti jekk dan il-pajjiż ma jridx jirrepeti l-istess żbalji li waslu għal assassinju. Il-gazzetta ILLUM tħares lejn erba'...

Issa li għaddew aktar minn ġimagħtejn minn meta kien ippubblikat ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u wara li ngħata t-tort - din il-gazzetta xtaqet tanalizza x'inhuma l-akbar u l-aktar tagħlimiet importanti sabiex dak li seħħ ma jerġax iseħħ u sabiex dan l-assassinju verament ma jkunx seħħ għalxejn. 

Qabel nibdew inħarsu lejn l-aktar tagħlimiet importanti, tajjeb infakkru li l-pożizzjoni li ħadet il-gazzetta ILLUM kienet illi apparti li kkritikat bil-qawwi l-operat tal-Gvern immexxi minn Muscat/Schembri, f'editorjal separat fakkret illi l-vera bidla tista' sseħħ jekk tinbidel is-sistema u s-sistema tista' tinbidel biss jekk ikun hemm bidliet fil-mentalità imma wkoll bidliet fl-operat tal-Gvern. 

Għalhekk hawn huma l-aktar erba' tagħlimiet importanti li għandna nieħdu minn dan ir-rapport: 

Qrubija żejda bejn il-politika u n-negozju għandha tkun evitata

In-negozju huwa kruċjali għax-xogħol, l-investiment u l-ekonomija. Huwa f'dan is-sens li "qrubija" bejn il-politika u n-negozju hija meħtieġa - biss iżda biex il-politiku joħloq ambjent u jagħmel miżuri li jħeġġu ħajjet dak in-negozju jopera bl-inqas diffikultà. Naturalment Gvern xellugi għandu jara li dan isir dejjem b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-ħaddiem u li kull inċentiv jingħata biss lil min iħares il-liġijiet tax-xogħol b'mod assolut. Jekk hux qed isir hekk jew le bħalissa huwa suġġett ta' analiżi profonda, studju u anke diskussjoni oħra!

Meta iżda l-mentalità tan-negozju tinfiltra u titfixkel mal-governanza u allura l-qrubija ssir tant kbira li tisfoka d-differenzi meħtieġa bejn il-politika u n-negozju - jiġri li kollox isir parti minn negozju, inkluż l-assi tal-pajjiż. Għalhekk kif qal ir-rapport, ikollok il-poter politiku qed jaħdem mal-poter tal-flus u n-negozju, jaqdu lil xulxin u l-interessi ta' xulxin f'bilanċ delikat ħafna. Dan meta l-interess politiku u dak tan-negozju mhuwiex l-istess: L-interess politiku huwa dak tal-ġid komuni, il-ħarsien tal-assi tal-pajjiż b'orgolju, il-qalb soċjali u t-twettiq tal-ideoloġija politika ta' dak il-partit fil-governanza. Minn naħa l-oħra, l-interess tan-negozju huwa wieħed u suprem, il-profitt. 

Mela jekk għandek tliet sptarijiet pubbliċi - in-negozjant se jara kif se jimmassimizza l-profitti fuqhom jekk jiġu f'idejh. Il-politiku xogħlu huwa li jara illi l-privat iwassal għal servizz aħjar. Il-każ tal-VGH huwa wieħed klassiku ta' meta l-interessi tal-but ġew qabel dawk komuni - tant li minkejja flejjes kbar pubbliċi mogħtija lilha l-VGH ma għamlet xejn, iddikjarat falliment u ċediet il-konċessjoni. 

Jekk għandek biċċa art kbira u tgħaddiha lil kumpanija ta' miljunarji biex jinħoloq ix-xogħol fuqha trid tara li dak ix-xogħol jinħoloq. Mhux nagħtu l-art u ma jsir kważi xejn. Smart City hija eżempju klassiku ta' ass ieħor tal-poplu (l-art) li intuża biex tinbigħ ħolma qarrieqa. Li minnha - bħal VGH - l-interess tan-negozju u flus kien superjuri għal dak tal-ġid komuni (politika) 

Il-qrubija żejda bejn il-politiku u n-negozju tqajjem dubji f'kull aspett: fl-aspetti tal-ippjanar - u allura li "dawn l-applikazzjoni tagħhom dejjem se jgħaddu għax dawn ta' ġewwa." Fl-aspetti tal-governanza: "Alla jbierek it-tender joħroġ eżatt biex jirbħu dak", fl-aspetti tal-iffinanzjar tal-partiti, fl-aspetti wkoll ta' klijenteliżmu u allura l-"ħbieb tal-ħbieb". 

Din mhijiex xi ħaġa ġdida u l-akkużi ta' qrubija żejda u ħbieb tal-ħbieb mhux illum qed isiru l-ewwel darba u lanqas se jieqfu. L-uniku differenza hija li sa issa jidher - skont dan l-istess rapport - illi kienet l-ewwel darba li dawn l-interessi b'saħħithom ġew flimkien biex eliminaw persuna li kienet qed thedded l-istess interessi. 

Il-finanzjament tal-partiti: Raġuni għaliex wasalna sa hawn u għaliex l-affarijiet ftit jistgħu jinbidlu

"U dawn mhux it-tnejn l-istess", "ma hemmx differenza bejn il-PN u l-PL" - huma żewġ stqarrijiet li tisma' ħafna drabi fit-toroq, pjazez u fuq il-midja soċjali u l-finanzjament tal-partiti hija waħda mir-raġunijiet għal din il-perċezzjoni popolari. 

Il-perċezzjoni hija li ż-żewġ partiti l-kbar jinsabu - min ftit u min ħafna, min illum u min ilbieraħ "fil-but tal-miljunarji." Smajna ħafna stejjer tal-famuża JS List fiż-żmien Gvernijiet Nazzjonalisti u l-qrubija tal-familji Fenech, Gasan u Apap Bologna llum mal-Gvern minħabba l-proġett tal-Power Station kif ukoll il-familja li tmexxi d-DB group - li mhux biss hija meqjusa li saret qrib il-Gvern preżenti imma wkoll li kienet tħallas ċerti pagi fil-Partit Nazzjonalista. U hemm nies u familji oħrajn - Zammit Tabona, per eżempju li ra l-imperu ta' negozju tiegħu jieħu spinta 'l quddiem fl-aħħar snin u fil-passat kien hemm ta' Hili.

Ma hemm xejn ħażin li negozju jikber u persuna tagħmel profitti kbar, iżda meta jidħol id-dubju illi l-interessi tan-negozju qed jiffinanzjaw il-politika, lil xi politiku jew inkella partit, biex imbagħad "jaqsmu" l-poter - jinżera' d-dubju fuq il-proċess kollu politiku - fuq it-tenders li joħorġu, fuq min jirbaħ dawk it-tenders, fuq kif saru t-tenders .... fi kliem ieħor tinżera' n-nuqqas ta' fiduċja fis-sistema! 

Jidher li minkejja bidliet fil-liġi xorta instabu modi kif min irid qed idur mas-sistema, permezz ta' ftehim ta' ħlas pagi għal riklamar b'xejn, per eżempju. 

Għalhekk l-ikbar tagħlima hawn hija li hemm bżonn tinbidel is-sistema tal-iffinanzjar tal-partiti: Waħda li taqta' b'mod assolut il-qrubija żejda u l-flus deħlin mingħand in-negozju għal għand il-politiku biex b'hekk jinqatgħu l-obbligazzjonijiet naturali li qed jinħolqu lejn l-interessi tan-negozju u li fl-aħħar mill-aħħar qed jaċċertaw li l-bidla vera ma sseħħx. 

Naturalment ma' dan, il-partiti - li llum jmexxu operat kbir b'midja (gazzetti, stazzjon u portals), għexieren ta' ħaddiema u proprjetajiet bl-ispejjeż kollha relatati  - jeħtieġ jevalwaw sew jekk humiex qed jaħdmu fi djun u infieq li huwa insostenibbli. 

Għax jekk partit qiegħed f'sitwazzjoni finanzjarja insostenibbli dan se jżid mhux ftit iċ-ċans li dak il-partit ifittex li joħloq l-obbligazzjonijiet u jfittex hu li jitlob il-flus. 

Għalhekk iż-żewġ partiti għandhom jaħsbu sew jekk wasalx iż-żmien li l-finanzjament tagħhom isir mill-istat biss u li jduru dawra madwarhom u jaqtgħu ftit mix-xaħam żejjed li qed joħloq operat li jeħtieġ ħafna u ħafna flus. 

Aprezzament aħjar tal-importanza tal-ġurnaliżmu indipendenti

Il-ġurnaliżmu huwa kruċjali biex jinkixfu fatti, biex tiġi magħmula l-aġenda tal-pajjiż u sabiex tinħoloq diskussjoni vasta dwar diversi suġġetti. Indipendenti ma jfissirx bla aġenda, għax aġenda soċjali u politika kulħadd għandu - imbagħad kulħadd jagħżel hu ma xhiex jaqbel jew le. 

Iżda hemm bżonn apprezzament tal-fatt li l-midja indipendenti hija u għandha tkun għassiesa tal-politiku u mhux qaddejja tiegħu. Il-midja indipendenti tgħin fil-ħsieb indipendenti, jiġifieri li persuna taqra, tevalwa, imbagħad tiddeċiedi x'inhi l-verità u x'mhix. 

Kieku mhux għall-midja indipendenti jew dik kritika ma konniex niskopru ta' min hi 17 Black, ta' min kienet target client, ta' min hi Macbridge, kif il-VGH kellha l-kelliem tagħha li kien instab ħati ta' serq, li l-VGH ma ħallsitx lill-ħaddiema tal-IT u l-kuntratturi, ma konniex insiru nafu b'chats fuq il-Whatssapp ma' Yorgen Fenech, fosthom ma' Edward Zammit Lewis, ma konniex niskopru li l-Kap tal-Oppożizzjoni tal-lum kellu kont ġmielu (€60,000+) ta' taxxa u VAT mhux imħallsa fuq medda ta' snin jew li Jason Azzopardi ħallsulu akkomodazzjoni fil-Hilton ta' Tel Aviv. U kieku mhux għall-midja indipendenti  - u din l-aktar importanti - il-Gvern ma kienx ikollu dik il-vuċi kritika, li ser iżommu kontabbli ta' għemilu u li se tikkritika fejn hemm bżonn u tfaħħar fejn hemm bżonn ukoll - f'kelma waħda, għassiesa.

Minflok kien ikollna biss rappurtaġġ, propoganda u induttrinazzjoni - ġenna fuq naħa u infern fuq l-oħra. 

L-apprezzament ta' xogħol il-midja indipendenti għandha tiġi mhux biss minn nies, li jinfatmu mill-mentalità assolutista ta' "int Laburist" jew "int nazzjonalist"  - u allura trid bilfors tkanta d-diska li jiddettalek il-partit. Imma wkoll mill-istat - li joffri protezzjoni, li ma jippermettix pressjonijiet żejda u theddid, li jdaħħal leġiżlazzjoni anti-Slapp u li ma jippermettix attakki u demonizzazzjoni fuq persuni fil-midja li qed jagħmlu xogħolhom. 

Rajniha tiġri ħafna din is-sena - kull ġurnalist jew ġurnalista li tistaqsi mistoqsija mhux għal widnejn partit ikollha wiċċha mċappas mal-Facebook b'litanija ta' tgħajjir u insulti - mhux biss lejn ħidmietha iżda wkoll lejn karatteristiċi fiżiċi tagħha. Sfortunatament  - u din hija waħda minn nuqqasijiet li kellha - Caruana Galizia kienet tagħmlu dan (id-demonizzazzjoni) u mhux darba wkoll!

Dan huwa riżultat tal-polarizzazzjoni eseġerata li għandna f'Malta u li qed twassal biex minflok ħafna nies jixtarru l-aħbar jew il-fatt jew l-opinjoni, imbagħad jiffurmaw opinjoni, jżommu sod mal-preġudizzju politiku tagħhom.  

Soċjetà qaddejja tal-politiċi mingħajr l-għassiesa meħtieġa ma tista' qatt tiggarantixxi li dak li seħħ ma jerġax iseħħ. Għax il-verità ħafna drabi mhijiex il-ħabiba tal-politiku fil-poter (hu ta' liema partit hu) u wisq inqas il-ħabiba tal-interessi tal-flus - u l-midja indipendenti għalhekk tinsab hemm. U huwa propju għalhekk li l-midja indipendenti ma teżistix f'dittatorjati!

Keith Schembri
Keith Schembri
Richard Cachia Caruana
Richard Cachia Caruana

Uffiċjali mhux eletti għandhom jinżammu taħt skrutinju serju!

Il-poplu dejjem infakkru li huwa sovran u li d-deċiżjonijiet politiċi li jieħu għandhom jiġu rrispettati dejjem u f'kull ħin. Filwaqt li prima facie dan dejjem isir għax Malta huwa pajjiż demokratiku - madwar il-poter politiku qed jiżdiedu dejjem iktar dawk l-uffiċjali li ma jiġux eletti mill-poplu sovran pero' li jispiċċaw bl-istess ammont ta' poter daqs in-nies li neleġġu. 

Keith Schembri kien każ ċar ta' dan. Qabel l-2013 kważi ħadd ma kien jaf min hu u ftit li xejn nies rawh jikkampanja jew jidher fil-pubbliku. Wara l-2013 spiċċa l-aktar persuna b'saħħitha fil-Gvern u hemm min jargumenta li spiċċa terġa' u tgħid aktar b'saħħtu mill-Prim Ministru. Ħafna mill-għawġ li ffaċċja l-Gvern Laburista ta' Muscat kien grazzi għad-deċiżjonijiet u l-mod kif opera Schembri, għal kumpaniji fil-Panama li fetaħ għalih u l-mentalità tiegħu li xxaqleb kważi b'mod assolut lejn l-interessi tal-flus/negozju (kif diġa semmejna) propju għax huwa negozjant ta' ċerta portata. 

Din mhux l-ewwel darba li persuna wara l-PM jingħad li jkollha kważi l-istess poter jekk mhux aktar, bl-istess kien jingħad mill-Oppożizzjoni pero' wkoll Deputati Nazzjonalisti dwar Richard Cachia Caruana. Dwar dan fil-fatt jingħad li mhux talli kellu r-riegni tal-Gvern f'dejh imma anke dawk tal-partit. Huwa meqjus bħala l-"Kap" ta' dak li l-Partit Laburista (imma anke l-eks Kap tal-PN Adrian Delia) kienu jirreferu għalih bħala "l-establishment". 

Allura wieħed jistaqsi kemm hi sovrana l-impożizzjoni ta' eminenzi griżi li huma aktar b'saħħithom mill-uffiċjal elett? Fejn se jibda u fejn għandu jieqaf il-poter li jkollha persuna li tassumi l-poter ta' wara l-Prim Ministru? U kif se naċċertaw li fil-futur ma jerġax ikollna aktar nies li joħorġu "minn imkien" u jiddettaw l-aġenda, xi kultant mhux b'lealtà lejn dak li l-poplu sovran kien għażel? 

Ħafna drabi l-eks PM Joseph Muscat kien jiddefendi lil Schembri billi jfakkar illi hu ma kienx elett u allura ma għandux dik ir-responsabilità politika xi jġorr. 

Huwa għalhekk li waħda mit-tagħlimiet minn dan ir-rapport hija li jkun hemm livelli ta' standards mistennija minn uffiċjali mhux eletti fil-Gvern - mhux biss ta' x'jistgħu u ma jistgħux jagħmlu, imma wkoll kodiċi ta' etika għal persons of trust, id-drittijiet imma wkoll id-dmirijiet tagħhom. 

Għandu jkun hemm termini ċari ta' kif person of trust għandha tinħatar u meta trid titkeċċa biex b'hekk ikun assigurat li ma jkun hemm qatt iżjed poter ikbar mill-uffiċjali eletti. 

Hekk ikun pass eqreb lejn poplu li verament huwa sovran, infurmat u rispettat għad-deċiżjoni politika li jieħu.

More in Politika