'Muġugħin u kostretti jistennew bejn sebgħa u 10 sigħat jistennew fl-Emerġenza qabel jittellgħu f'sala!'

Pazjenti fl-Emerġenza jistennew 10 jew 11-il siegħa filwaqt li l-cubicles meħudin minn nies jistennew ir-riżultat tal-Covid-19' - ħaddiema tal-Emerġenza u rappreżentant tal-GWU jgħidu li s-sitwazzjoni fid-Dipartiment "hija gravi"

 

Il-ħin tal-istennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza "sploda" 'l fuq biex hemm pazjenti li saħansitra qed jagħmlu seba', 10 jew 11-il siegħa jistennew qabel jittellgħu f'ward, anke f'ċerti każi li huma meqjusin bħala "serji imma mhux ta' theddida għal ħajjet il-pazjent" bħal per eżempju jekk pazjent iħoss uġigħ f'sidru. Dan huwa ħafna aktar mill-istennija normali u sorsi mid-Dipartiment spjegaw illi dan id-dewmien, qabel il-pandemija kienu xi minn daqqiet jesperjenzawh biss dawk li kellhom problemi minuri. 

Is-sorsi ta' din il-gazzetta spjegaw ukoll x'inhuma r-realtajiet li qed iwasslu għal dan id-dewmien eseġerat u jaqsmuhom fi tnejn prinċipali: L-ewwelnett il-fatt li l-ammont ta' nies li reġgħu qed imorru l-Emerġenza żdiedu sew mil-livelli tal-eqqel tal-pandemija u t-tieninett il-protokolli tal-Covid-19 - fosthom li kull min jagħmel it-test tal-Covid-19, qabel jittella' f'ward, irid jistenna fl-Emerġenza!

Dan kien ikkonfermat mal-ILLUM minn rappreżentant tal-General Workers' Union (GWU), li tirrapreżenta numru ta' ħaddiema f'dan id-dipartiment, u li spjega illi s-sitwazzjoni fl-Emerġenza bħalissa hija "gravi mmens". Sostna illi "qed infallu lill-pazjenti tagħna nħalluhom jistennew seba' jew 10 sigħat, meta għandhom uġigħ f'sidirhom jew forsi kellhom stroke żgħir għax l-ispazju meħud minn xi ħadd li qed jistenna r-riżultat tat-test tal-Covid-19."

'Waqt il-pandemija flaħna għaliha ... għax ġew ħafna inqas nies hawn'

"Qabel il-pandemija kienu jiġu ħafna nies hawnhekk, imma konna nimxu b'sistema - it-tabib jieħu t-testijiet, il-pazjenti jistennew sagħtejn jew tlieta imbagħad jitilgħu 'l fuq fil-wards u malli jlesti mill-cubicle, pazjent ieħor jidħol minfloku," jispjega s-sors ta' din il-gazzetta. Ikompli jgħid kif malli faqqgħet il-pandemija iddaħħlu l-protokolli, li jfisser illi l-proċess sar wieħed li jtul aktar minħabba li l-pazjenti jridu dejjem jistennew fil-cubicle sakemm jirċievu t-testijiet, minflok imorru lura fis-sala ta' stennija. 

"Dan huwa proċess li kellu jsir, pero' waqt l-eqqel xhur tal-pandemija ma ħassejnihiex daqstant għax filli kienu jiġu l-Emerġenza madwar 300- 350 persuna kuljum, filli dawn niżlu għal madwar 200. Jiġifieri minkejja protokolli ma kienx hemm dewmien għax naqsu n-nies" spjega dan is-sors mal-ILLUM. 

Fakkar li waqt il-pandemija ħafna anzjani li kienu jħossu xi wġigħ ma kinux imorru l-isptar minnħabba l-biża' tal-Covid, tant li jispjega kif darba minnhom f'ġurnata nstabu disa' persuni mejta fi djarhom, probabbilment għaliex ma fittxewx l-għajnuna. 

"Issa fid-dawl tal-fatt li n-numri naqsu u l-proċess tal-vaċċin aċċellera sew ħafna nies reġgħu qed jiġu. Allura qabel konna qed inlaħħqu imma llum le. Għalhekk l-ħin ta' stennija sploda!"

Protokoll ġdid: L-istennija għat-test tal-Covid-19 fl-Emerġenza

Is-sors spjega wkoll li apparti dan issa ddaħħal protokoll ieħor, jiġifieri li l-pazjenti jridu jistennew ir-riżultat fl-Emerġenza wkoll. 
"Li jfisser illi apparti l-istennija għat-tabib u għat-testijiet tat-tabib issa jridu jistennew ukoll għat-test tal-Covid-19 qabel ma jitilgħu fil-ward - madwar stennija ta' 10, 11 u xi kultant aktar sigħat."

Ir-rappreżentant tal-GWU f'dan id-dipartiment ikkonferma dan u qal li bħalissa is-sitwazzjoni hija tali li filwaqt illi cubicle huwa meħud minn persuna li qed tistenna t-test tal-Covid-19, "għandna l-pazjenti barra fis-sala tal-istennija bl-uġigħ jistennew." 

It-tnejn li huma kkonfermaw ukoll mal-ILLUM li każi minuri - li mhumiex urġenti u jistgħu jinqdew minn tabib jew minn ċentru tas-saħħa qed idumu ħafna sigħat aktar minn hekk.

Is-sors mid-Dipartiment qal illi "qabel forsi pazjent mhux urġenti kien idum daqshekk. Illum anke pazjent urġenti imma mhux b'kundizzjoni li qed thedded il-ħajja sar idum dawn is-sigħat kollha." 

Mistoqsijin iżda x'qed jaraw li hija s-soluzzjoni, is-sorsi ta' din il-gazzetta sostnew li l-protokolli hemm bżonnhom imma staqsew għalfejn il-pazjenti qed jintbagħtu jistennew fl-Emerġenza għat-test tal-Covid, meta qabel kienu jkunu f'wards. "Biex tgħaxxaq jekk ikollna każ pożittiv trid iddaħħlu għalih, iżżomm iż-żona vojta - u l-ispazju hu li hu," temm jisħaq dan is-sors mid-Dipartiment li qal ukoll li pjanijiet biex dan id-dipartiment jitkabbar jidher li waqgħu lura.

"Dan dipartiment li fis-7:00 a.m ikun diġà mimli ta," sostna mal-ILLUM is-sors tal-gazzetta fid-Dipartiment 

Intant ir-rappreżentant tal-GWU kkonferma dan ukoll u appella biex dan il-piż tal-istennija għar-riżultat tal-Covid-19 jinqasam mal-Isptar kollu. "Kienet taħdem tajjeb kieku r-riżultat tat-test jasal malajr - imma qed idum mal-erba' sigħat u f'dawn l-erba' sigħat persuna qed tokkupa spazju ta' xi ħadd muġugħ, waqt li qed tistenna test tal-Covid" temm jgħid. 

More in Politika