Imbierek dak il-ftit riħ fuq li għamel għax mill-bqija Lulju kien sħun ħafna u kompletament xott

L-uffiċċju Meteoroloġiku jbassar li anke l-għerejjex se jinqabżu din is-sena hekk kif se jkompli t-temp sħun u xott

Temperatura tal-arja massima ta’ 38°C li ntlaħqet fl-aħħar jum ta’ Lulju ġabet fi tmiemu xahar aktar sħun mill-medja u kompletament xott.

It-temperatura tal-arja f’20 jum f’Lulju, fil-fatt, kienet ogħla min-norma klimatika ta’ 31.6°C, bit-temperatura massima medja għax-xahar tkun ta’ 33°C. Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 27.1°C, jiġifieri 2.4°C ogħla min-norma klimatika.

Riħ mill-Majjistral ġab temp xi ftit aktar frisk f’diversi okkażjonijiet f’Lulju. It-18 ta’ Lulju kien l-aktar jum mirjieħ tax-xahar, li fih tkejlet buffura massima ta’ 37 knots mill-Majjistral kwarta Puntent u temperatura massima ta’ 28.2°C.

Ġimgħa wara, l-aktar temperatura baxxa għax-xahar ta’ 21.5°C ġiet irreġistrata f’weekend li kien ikkaratterizzat minn riħ ħafif sa moderat mill-Majjistral.

Lulju kien imdawwal minn 364.7 siegħa xemxin, b’dan it-total ikun ftit ogħla mill-kwota ta’ sigħat xemxin għax-xahar ta’ 364.1. Fl-aktar jum xemxi, jiġifieri t-3 ta’ Lulju, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel xejn anqas minn 13-il siegħa xemxin.

Il-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet ta’ 0.5 oktas, li hija kemxejn aktar baxxa mill-medja ta’ 0.9 oktas.

Intant l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp xemxi u sħun għal-lum is-Sibt u għada l-Ħadd. It-temperatura massima tal-arja hija mistennija tkun aktar baxxa mit-temperaturi milħuqin fil-bidu tal-ġimgħa, iżda xorta ser tilħaq l-34°C u b’hekk tkun ogħla min-norma klimatika għal Awwisu ta’ 31.7°C.

Awwissu huwa assoċjat ħafna mal-għerejjex ta’ Santa Marija. L-għerejjex huma sħab kbir, magħruf bħala Cumulus congestus, li jifforma meta għadd ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi ideali, bħal riħ ħafif, biżżejjed umdità fl-arja u reġjuni ta’ arja kiesħa, ikunu preżenti.

Minħabba l-preżenza persistenti ta’ massa ta’ arja xotta fuq il-Mediterran u temp sħun, mhuwiex mistenni li ser naraw dawn l-għerejjex jiffurmaw fil-jiem li ġejjin.

 

More in Politika