'Hemm ħafna titjib xi jsir imma ma għandux jagħmlu l-ħabib tal-qalb ta' Yorgen Fenech' - Graffitti

Moviment Graffitti jisħqu li l-Ministru tal-Ġustizzja, responsabbli biex jara li tinqered il-kultura ta' impunità fil-pajjiż, ma jistax ikun ħabib tal-qalb ta' Yorgen Fenech

Il-Moviment Graffitti fi stqarrija qal li huwa mħassab u ddispjaċut li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjinijiet tal-Bord ta’ inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphe Caruana Galizia qed jiġu imminati għax, fi kliemu, il-Gvern "qiegħed biss jitkellem dwarhom waqt li jonqos mir-responsabbiltà tiegħu li jindirizza l-implikazzjonijiet tagħhom."

Graffitti fakkar li l-inkjesta sabet evidenza tar-rabtiet profondi, intimi u mhux xierqa bejn l-ogħla livelli ta’ amministrazzjoni pubblika u n-negozju kbir u li dawn wasslu "għall-azzjonijiet gravi mwettqa minn elementi tal-Istat, orkestrati ċentralment mill-Uffiċju tal-Prim Ministru biex iwaqqfu u jsikktu lil Daphne Caruana Galizia minħabba li l-ġurnaliżmu tagħha kien ta’ theddida għall-interessi finanzjarji qawwija li jirriżultaw miż-żwieġ inċestuż bejn il-politika u n-negozju."

L-attivisti saħqu li l-aktar ħaġa pertinenti f’dan il-mument hija r-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ġustizzja li jiggarantixxi s-saltna tad-dritt billi jiżgura li l-id tal-ġustizzja tilħaq lil dawk kollha li jiksru l-liġi. Madanakollu fakkru li l-istess Ministru, li l-mandat tiegħu huwa li jiżgura li tinqered il-kultura ta' impunità, irriżulta li hu stess għandu rabtiet ma' Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-assassinju ta' Caruana Galizia. 

"L-istess Ministru għall-Ġustizzja jsostni li għandu konvinzjoni soda li hu dejjem aġixxa b’integrità, minkejja l-konklużjoni tal-Bord li l-ebda membru ta’ dak il-Grupp Parlamentari ma aġixxa b’integrità fl-għażla li jiddefendi l-azzjonijiet indifendibbli ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri," tkompli l-istqarrija.

Kien hawn li l-Moviment Graffitti insista li huwa irrilevanti x'jaħseb Zammit Lewis f'dan l-istdju.

"Rajna biżżejjed assigurazzjonijiet, twemmin u kundanni jiżżarmaw taħt il-piż tal-provi kuntrarji matul l-aħħar snin," kompliet l-istqarrija. "Jekk inkomplu nafdaw fir-riassigurazzjonijiet tal-integrità tagħhom stess ta’ individwi li huma kompromessi b’mod evidenti, ilkoll kemm aħna nkunu Ġaħan."

Kien għalhekk li l-Moviment insista li dan mhuwiex żmien biex l-affarijiet jibqgħu kif kienu u insista li l-konklużjonjiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għandhom jiġu segwiti b’urġenza u dedikazzjoni xierqa.

"Hemm ħafna titjib strutturali xi jsir, imma l-ħabib tal-qalb ta’ Yorgen Fenech m’għandux ikun dak li qed jagħmilhom," temmet tgħid l-istqarrija

More in Politika