311,692 passiġġier jgħaddu mill-MIA f'Lulju; Irkupru ta' 39% tat-traffiku rreġistrat f'Lulju 2019

Ir-rata ta' rkupru ta’ Malta kienet aktar baxxa minn dik ta’ ajruporti oħrajn fin-Nofsinhar tal-Ewrop

F’Lulju li għadda, għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 311,692 passiġġier, Dan ifisser irkupru ta’ 39% tal-livelli tat-traffiku rreġistrati f’Lulju 2019. 

Madankollu, ir-rata ta’ rkupru ta’ Malta kienet aktar baxxa minn dik ta’ ajruporti oħrajn fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Fil-fatt, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, ikkwota informazzjoni mill-Airports Council International li tispjega kif dawn kellhom rata medja ta’ rkupru ta’ 57% fix-xahar ta’ Lulju. 

Fi stqarrija, l-Ajruport qal ukoll li n-numru ta’ postijiet disponibbli fuq titjiriet minn u lejn Malta kienu biss 35.5% anqas mil-livelli tal-2019, bis-seat load factor (SLF) għax-xahar, li jkejjel kemm minn dawn il-postijiet kienu okkupati, ikun ta’ 52.6% meta mqabbel ma’ 87.0% f’Lulju 2019.

Fakkar kif tul ix-xahar ta’ Lulju żdiedu l-opportunitajiet ta’ safar għas-suq lokali hekk kif il-linja nazzjonali ta’ Franza Air Franza nediet servizz ta’ tliet darbiet fil-ġimgħa lejn l-ajruport Paris Charles de Gaulle u żdiedu wkoll ir-rotot ġodda ta’ Chania u Cagliari mal-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fost żviluppi oħrajn.

Apparti minn hekk, tul ix-xahar li għadda, ir-Renju Unit reġa' ħa postu fost l-aqwa ħamest iswieq għall-Ajruport u dan wara li ġew irrilassati xi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn iż-żewġ pajjiżi 

Ir-renju Unit tela’ erba’ postijiet minn Ġunju, bil-konsegwenza li s-suq Spanjol tilef postu fost l-aqwa ħamest iswieq u l-Ġermanja, Franza u l-Polonja kollha niżlu post minn Ġunju.

L-Italja, min-naħa l-oħra, baqgħet fil-quċċata b’60,388 moviment tal-passiġġieri.

More in Politika