‘Għax qiegħed komdu wara l-kompjuter ma jfissirx li tista’ tikteb li trid ... aħna nieħdu passi’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ispettur John Spiteri dwar il-passi li tieħu l-Pulizija fuq kummenti ta’ mibegħda razzjali. Jinsisti li d-dritt fundamentali tal-opinjoni ma jagħtikx il-jedd li tweġġa’ jew tinstiga l-mibegħda fuq minoranza

“Qed ninnutaw li persuni li jkunu fil-kumdità ta’ darhom wara kompjuter jew mowbajl, qed isibuha aktar faċli biex jgħaddu kummenti ta’ mibegħda li mhux lesti jgħaddu f’xi pjazza jew fuq il-karozza tal-linja.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM l-Ispettur John Spiteri, mill-Vice Squad, liema skwadra tinvestiga għadd ta’ reati kriminali, fosthom dak magħruf bħala ‘hate speech.’

L-ILLUM bdiet tistaqsi lill-Ispettur x’inhu meqjus bħala kumment ta’ mibegħda, anke għax għall-kuntrarju ta’ reati oħra, l-effett tiegħu mhuwiex daqstant viżibbli. L-Ispettur telaq mill-premessa li d-dritt li persuna tgħaddi opinjoni huwa wieħed fundamentali, irrispettivament minn jekk persuna oħra taqbilx miegħu jew le.

Madanakollu dan ma jfissirx li persuna tista’ taqbad tgħid jew tikteb li trid. Fi kliem l-Ispettur hemm linja fina li jekk persuna taqbiżha tkun qed tikser il-liġi u dan id-dritt ma jibqax wieħed assolut.

“Meta wieħed jgħaddi kumment kontra minoranza fis-soċjetà u dan il-kumment ikun dispreġattiv jew jinstiga mibegħda kontra din il-minoranza, hawn ikun jikkonstitwixxi reat,” spjega. 

Anke jekk dan ir-reat jidher li huwa xi ftit jew wisq astratt, l-Ispettur saħaq li bħal kull reat ieħor dan għandu l-vittmi tiegħu, jiġifieri l-minoranza li tkun spiċċat fil-mira tal-attakk. Fakkar li dan jinfluwenza l-mod kif is-soċjetà tħares lejn din il-minoranza.

‘Il-vittma mhijiex persuna waħda...’

Imma min huma dawn il-minoranzi? L-Ispettur insista li l-liġi saħansitra ssemmi u tagħti lista ta’ dawn il-kummenti ta’ mibegħda razzjali: “vjolenza razzjali, reliġjuża, kontra persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, kulur, lingwa, opinjoni politika etċ.”

“Kważi kważi għalkemm jista’ jidher bħala reat mingħajr vittma, il-verità hija xorta oħra, għax il-vittmi, apparti li huma dawk il-persuni kollha fil-minoranza hija s-soċjetà kollha kemm hi,” kompla jisħaq.

Insista li l-leġislatur għamel din il-liġi biex ħadd fis-soċjetà, irrispettivament mir-razza, ir-reliġjon, il-kulur jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu (fost ħafna minoranzi oħra), ma jħossu inqas minn ħaddieħor. 

Spjega kif jekk kumment ikun indirizzat lejn persuna waħda imma minħabba t-twemmin jew inkella l-orjentazzjoni sesswali tagħha (biex nagħtu eżempju), allura hawn wieħed isib każ ta’ mibegħda razzjali. Mill-banda l-oħra, jekk xi ħadd jgħaddi kumment kontra persuna għax ma jaqbilx magħha u mhux għax hija parti minn xi minoranza (kif rajna qabel), f’dan il-każ ma hemmx każ ta’ hate speech jew mibegħda razzjali imma ma jfissirx lanqas li ma hemmx reat ieħor, bħalma huma l-insulti jew it-theddid.

Il-Pulizija kif tinvestiga dawn il-każi?

L-ILLUM staqsiet lill-Ispettur Spiteri jekk il-Pulizija tinvestigax minn jhedda dawn ir-reati jew inkella tistennix ir-rapport. 

L-Ispettur saħaq li jirċievu diversi rapporti tant li persuna tista’ tirrapporta hate speech permezz tas-sistema onlajn tal-Pulizija. Fil-fatt, kompla jispjega, ħafna drabi, jirċievu screenshot ta’ xi kumment partikolari li jkun jinstiga mibegħda razzjali.

Madanakollu jkun hemm każi fejn il-Pulizja tieħu passi kontra kummenti oħra li ma jkunux ġew irrapportati. Spjega kif ġieli jirċievu screenshots ta’ xi kumment partikolari, liema kumment ma jkunx iżolat u jkun hemm kummenti oħra, anke minn persuni differenti.

“Il-Pulizija ma tiħux biss passi kontra l-persuna li l-kumment tagħha jkun wasal quddiemha. Jista’ jkun li l-Pulizja tieħu passi fuq il-kummenti l-oħra li jkunu qabżu dik il-linja u d-dritt fundamentali tal-opinjoni jkun ġie abbużat u għalhekk tkun inkisret il-liġi,” kompla jispjega.

‘...dawn il-kummenti qed jiżdiedu’

Kien hawn li l-Ispettur saħaq li aktar mad-dinja ssir diġitali, aktar qed jiżdiedu dawn il-kummenti ta’ mibegħda razzjali għax dawn, ħafna drabi, qed isiru minn wara mowbajl jew kompjuter. Fi kliemu, l-istess persuna li tgħaddi dawn il-kummenti minn wara l-kompjuter, mhux lesta tagħmel l-istess fit-triq, fil-pjazza jew f’xi post ieħor pubbliku.

“Jagħmel hekk għax mhux se jkollu reazzjoni, jew inkella r-reazzjoni tkun diġitali li jista’ jirribattiha b’aktar kummenti ta’ mibegħda razzjali,” insista.

Minn ħabs għal multa ħarxa...

Spjega kif bl-għajnuna tal-Pulizija mill-iskwadra tas-Cyber Crime, il-Pulizija tal-Vice Squad jaslu għall-identità tal-persuna li tkun instigat mibegħda razzjali, tinterrogaha u tinvestiga l-kumment.

“Jekk ikun hemm biżżejjed provi, persuna tista’ titressaq il-Qorti fejn tista’ teħel sa 18-il xahar priġunerija u hemm anke multi li huma pjuttost għolja,” saħaq l-Ispettur. “Għalkemm persuna taħseb li mid-dar tista’ tikteb li trid, tagħfas enter u kollox jieqaf hemm, dan assolutament mhuwiex il-każ. Dak kollu li jaqbeż il-linja tad-dritt tal-opinjoni, jekk jammonta għal reat, aħna nieħdu passi kontrih.”

Mistoqsi kemm iressqu persuni l-Qorti minħabba kummenti ta’ mibegħda razzjali, l-Ispettur saħaq li diffiċli jgħid għax il-Vice Squad tinkludi diversi spetturi u kollha kemm huma, apparti li jinvestigaw każi ta’ abbuż sesswali, abbuż fuq minorenni jew traffikar uman, kollha kemm huma jinvestigaw dawn il-każi wkoll. 

“Ma nistax nagħtik numru, imma jkollna numri mhux ħażin ta’ kummenti li spiċċajna tellajna l-Qorti. Jiena kelli numru sostanzjali,” insista.

‘Kumment ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali jaf ikollu riperkussjonijiet akbar...’

Saħaq li l-messaġġ aħħari li jixtieq li jasal permezz ta’ dan l-artiklu huwa li d-dinja diġitali ma tagħtix xi forma ta’ jedd jew serħan tal-moħħ li persuna tista’ tgħid kulma tħoss mingħajr riperkussjonijiet. Fakkar kif kumment ta’ mibegħda razzjali fuq il-midja soċjali jaf ikollu ħafna aktar konsegwenzi, għax jarawh aktar nies, milli li kieku ntqal f’xi triq.

Mistoqsi x’jiġri minn dawn il-persuni li jiddispjaċihom għall-kummenti li jkunu qalu u jitolbu apoloġija, l-Ispettur insista li l-Pulizija ma tistax tieqaf hemm u jkollha tipproċedi jekk ikolla l-provi. Fi kliemu, in-nies li ressaq hu fuq dan ir-reat, kollha spiċċaw weħlu multi sostanzjali.

“It-tagħlima jkunu ħaduha mhux biss għax weħlu multa imma anke minħabba l-esperjenza għax ikollna nies li qatt ma jkunu daħlu f’għassa tal-Pulizja u li għalihom dan ikun xokk,” kompla jgħid. 

‘Ħadd ma għandu l-jedd li jweġġa’ lil ħaddieħor’

Kien hawn li l-Ispettur saħaq u appella biex kulħadd jifhem li d-dritt tal-opinjoni jagħtik il-jedd li ma taqbilx, imma jekk ma taqbilx ma għandekx jedd li tinfexx f’attakk fuq minoranza.

“Kulħadd huwa persuna umana. Kulħadd huwa l-istess. Ħadd ma għandu jedd li għax ma jaqbilx ma minoranza, jgħid dak kollu li jħoss. Kulħadd għandu qalb u familja u kulħadd iweġġa’. temm jisħaq. “Kulħadd jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu mingħajr ma jweġġa’ lil dawn il-minoranzi.”

More in Politika