Dħul għal min hu mlaqqam biss? Min jaqbel biex jiftaħ bla restrizzjonijiet u min ma jaqbilx ‘għax mhu se jbiddilu xejn’

Diversi pajjiżi qed jillimitaw l-istabbilimenti u postijiet ta’ divertiment għall-persuni li ħadu l-vaċċin biss. F’Malta għandna nagħmlu l-istess? Is-sidien tal-istabbilimenti jaqblu? X’jaħsbu?

Fost is-sidien tal-istabbilimenti tad-divertiment u tal-ospitalità hemm taħlita ta’ opinjonijiet dwar l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex jilqgħu biss lil dawk il-persuni li jkunu mlaqqma kompletament, kif qed jagħmlu diversi pajjiżi oħra Ewropej, fosthom Franza u l-Italja.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi sorsi tagħha minn dawn is-setturi l-aktar milquta mill-pandemija tal-Covid-19 u kkonfermaw li għalkemm dan mhux qed ikun diskuss b’mod formali, l-awtoritajiet qed isegwu dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra biex jaraw x’se jkun ir-riżultat.

“Pajjiżi bħal Franza għamluha ċara li mhux se jintroduċu restrizzjonijiet jew lockdowns nazzjonali. Ir-restrizzjonijiet se jkunu biss għal dawk li ma ħadux il-vaċċin. Indikazzjonijiet biss għandna imma jidher li ‘l hemm resqin,” insista.

Min favur ħalli jiftaħ bla restrizzjonijiet u min kontra għax mhu se tbiddilu xejn

Fost is-sorsi, l-ILLUM tkellmet anke ma’ operaturi u jidher li hemm min jaqbel ma’ dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra iżda oħrajn li huma aktar xettiċi dwarha minħabba diversi raġunijiet. 

“Hemm min jaqbel li jitlob iċ-ċertifikat tal-vaċċin għax dan suppost għandu jfisser li jkun jista’ jżid l-ammont ta’ persuni li jista’ jilqa’ fl-istabbiliment tiegħu,”  saħaq wieħed mis-sorsi.

Madanakollu, oħrajn huma xettiċi, partikolarment sidien ta’ ristoranti u barijiet għax issa ilhom ġimgħat miftuħa, ix-xogħol qabad u ma kellhomx problemi.

‘Kieku jkollna nżidu l-ħaddiema ... minn fejn se nsibuhom?’

Sors ieħor insista li jekk Malta tagħżel li tagħmel l-istess bħalma qed jagħmlu pajjiżi oħra u ċ-ċertifikat tal-vaċċin jibda jintalab biex persuna tidħol fi stabbilimenti ta’ divertiment u oħrajn ta’ ospitalità, se jkunu qed jiżdiedu l-problemi loġistiċi li se jkomplu jżidu mal-piż li qed jiffaċċjaw l-operaturi li diġà għandhom ħafna restrizzjonijiet u protokolli li jridu jimxu magħhom.

L-istess sors fakkar fl-isfida tan-nuqqas ta’ ħaddiema li qed jiffaċċjaw ħafna setturi, b’mod partikolari dawk fis-setturi tad-divertiment, it-turiżmu u l-ospitalità u li l-gazzetta ILLUM kitbet dwarha wkoll fl-aħħar ġimgħat.

‘Il-kuntest ta’ Malta differenti minn dak ta’ pajjiżi oħra’

Sors ieħor mill-istess setturi li tkellem mal-gazzetta ILLUM insista li ma jagħmilx sens li Malta toqgħod tħares lejn dak li qed jagħmlu pajjiżi oħra, għax fi kliemu, il-kuntest huwa kompletament differenti.

Insista li l-pajjiżi li qed jintroduċu dawn ir-restrizzjonijiet fuq persuni li ma ħadux il-vaċċin huma dawk li għadhom lura ħafna fit-tilqim jew inkella għandhom ammont kbir ta’ persuni li ma jridux jieħdu l-vaċċin.

“It-turist li qed jiġi Malta huwa mlaqqam kompletament għax qed nitolbu ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament. Mhijiex se tagħmel differenza enormi. Ma nistax nifhem x’vantaġġ jistgħu jieħdu s-sidien jekk idaħħlu biss nies bil-vaċċin,” insista.

‘Min ħa l-vaċċin ma jistax ibati ma min ma ħadux’

Madanakollu, meta ffaċċjat b’dan l-argument, sors ieħor mis-settur insista li tlaqqam kemm tlaqqam nies, xorta se jkollok persuni li mhux se jkunu ħadu l-vaċċin. 

Fi kliemu, dawn huma aktar f’riskju li jieħdu l-virus u li jgħadduh lil ħaddieħor.

“Il-kwalità tal-ħajja tagħhom żgur li se tkun differenti minn dawk li huma mlaqqma. Ma tista’ tisforza lil ħadd jieħu l-vaċċin imma min ħa l-vaċċin ma jistax jibqa’ jbati magħhom,” kompla jisħaq.

‘Jekk aħna niftħu biċ-ċertifikat, l-istess għandu jagħmel kulħadd’

Mill-banda l-oħra, l-aktar li huma favur l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex ikunu jistgħu jerġgħu jiftħu u b’inqas restrizzjonijiet, huma dawk li jorganizzaw l-attivitajiet tal-massa u anke s-sidien tal-istabbilimenti tad-divertiment.

Fil-fatt, kienet din l-istess gazzetta li żvelat il-pjan li l-kampanja Restart (li tinkludi DJs u operaturi ta’ postijiet ta’ divertiment) kienet ippreżentat lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jirritornaw, b’mod gradwali, l-attivitajiet bis-saħħa taċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Il-kampanja ilha ġimgħat tisħaq li jekk jintuża ċ-ċertifikat tal-vaċċin, anke l-istabbilimenti tad-divertiment ikunu jistgħu jibdew jiftħu ftit ftit u ma jkunx hemm bżonn li persuni jibqgħu bilqiegħda.

Sidien saħqu kif minkejja li qed jingħad li l-attivitajiet għal nies bilwieqfa se jkunu jistgħu jibdew isiru min-nofs Awwissu ‘l quddiem għalissa għadhom fil-limbu meta dawn se jirritornaw, anke għax fl-aħħar konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne qal ċar u tond li għalissa dawn għadhom mhux possibbli minħabba l-kwistjoni tal-contact tracing. 

Sors mis-settur tad-divertiment insista mal-gazzetta ILLUM li sa issa għadu mhux ċert x’se jkun qiegħed jiġri, anke jekk mill-informazzjoni li qed tasal għandu, l-awtoritajiet qed jikkunsidraw li jestendu l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin għall-istabbilimenti tad-divertiment u l-istadiums fost oħrajn.

“Jekk inkunu nistgħu nerġgħu nibdew noperaw, niftħu u l-udjenza tkun tista’ tibqa’ bilwieqfa, ma nistax ma naqbilx maċ-ċertifikat tal-vaċċin,” insista l-istess sors.

Anke jekk insista li l-uniku interess tiegħu bħalissa huwa li jerġa’ jibda jiftaħ l-istabbiliment tiegħu u tirritorna l-udjenza bilwieqfa, saħaq li ma jkunx jagħmel sens li d-dħul fi stabbilimenti tad-divertiment ikun biċ-ċertifikat tal-vaċċin u fi stabbilimenti oħra ma jkunx.

“X’differenza hemm bejn mitt persuna bilwieqfa fi stabbiliment tad-divertiment u mitt persuna bilwieqfa f’każin?,” staqsa.

Tikber l-isfida tal-istaff...

Insista wkoll mal-ILLUM li lanqas ma jagħmel sens li l-istaff ta’ dawn l-istabbilimenti jkunu kostretti jkollhom ċertifikat tal-vaċċin jew inkella jagħmlu PCR test kull tant żmien. Fakkar kif ħafna mill-istaff f’dawn l-istabbilimenti huma barranin li għadhom ma ħadux jew lanqas ma jridu jieħdu l-vaċċin.

“Jekk l-istaff tagħna se jkun mitlub iċ-ċertifikat tal-vaċċin jew PCR test u l-istaff ta’ bar jew ristorant le, allura mhux se jkun hemm level-playing-field. Diġà għandna problema bl-istaff fl-istabbilimenti tagħna. Dawn se jagħżlu li jmorru jaħdmu f’bar jew ristorant,” temm jisħaq.

Xi żvelat il-gazzetta ILLUM?

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif l-ewwel tliet attivitajiet tal-massa imma b'kontrolli, organizzati mill-Gvern qed jistennew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. 

Dawn l-attivitajiet organizzati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huma proposti li jsiru matul Settembru, ikunu miftuħin għal persuni vvaċċinati biss, ikunu attivitajiet bilqiegħda u n-nies se jkunu f'bubbles ta' mhux iktar minn 330 persuna kull wieħed. Dan ikompli jitfa’ f’dubju kemm attivitajiet għal udjenza bilwieqfa se jkunu possibbli qabel l-aħħar ta' Settembru.

L-attivitajiet - fuq il-Fosos tal-Furjana - huma Joseph Calleja in Concert nhar it-3 ta' Settembru, il-BBC Orchestra in Concert nhar l-24 ta' Settembru u Pete Tong Malta Classics nhar it-28 ta' Settembru. Jekk mhux vvaċċinata persuna mhux se titħalla tidħol, l-istess kif qed isir bħalissa f’każ ta’ attivitajiet żgħar li huma permessibbli

More in Politika