Pannelli solari fuq Tal-Linja għal inqas emissjonijiet u inqas konsum ta' diesel

Investiment ta’ €40 miljun minn fondi Ewropej se jintużaw biex tkun elettrifikata l-flotta tat-trasport pubbliku

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar investiment ta’ €40 miljun minn fondi Ewropej li se jintużaw biex tkun elettrifikata l-flotta tat-trasport pubbliku.

Dan tħabbar waqt konferenza għall-aħbarijiet fejn il-Ministru Ian Borg nieda proġett pilota ta’ pannelli solari li huma installati fuq is-soqfa tal-vetturi, liema proġett jinsab fi stadju ta’ testing mill-kumpanija Zarb Coaches flimkien mal-Malta Public Transport. 

S’issa dawn il-pannelli ġew installati fuq żewġ karozzi tal-Malta Public Transport. Permezz ta’ dawn il-pannelli solari l-vetturi se jkunu qed jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ CO2 u se jiffrankaw litri ta’ diesel kull sena. Lokalment, huwa mistenni li permezz ta’ dawn il-pannelli solari, il-konsum tad-diesel jonqos bi 8-10% fis-sena.

B’pannella solari ta’ 800Wp huwa mistenni li l-produzzjoni annwali ta’ elettriku minn ċelloli solari CIGS ikun ta’ 1000 kWh fejn għal kull kWh mistenni li se jkun qed jiġi frankat litru ta’ diesel filwaqt li għal kull litru diesel mistenni li jiġi frankat 2.68kg ta’ emissjonijiet ta’ CO2.

Dan ifisser li fuq skala annwali mistenni li jiġi frankat 1000 litru ta’ diesel li allura jammonta għal tnaqqis ta’ 2,680kg ta’ emmisjonijiet ta’ CO2.  

Il-kumpanija Zarb Coaches bħalissa għaddejja wkoll minn stadju ta’ studji rigward teknoloġija oħra bl-isem PHI CELL TECHNOLOGY li maħsuba li tiġi installata fuq ġewwa tal-vetturi u li l-għan tagħha hu li tippurifika l-arja u ġewwa tal-vetturi.

More in Politika