Bord se jkun qed jevalwa l-proċeduri fil-ħabs wara li priġunier żagħżugħ ipprova jagħmel suwiċidju

Il-Bord għandu terminu ta’ 60 ġurnata biex jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi

Ftit ħin biss wara li sar magħruf li priġunier ieħor ipprova jagħmel suwiċidju, il-Gvern waqqaf bord biex jevalwa l-proċeduri tal-ħabs.

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet fi stqarrija li priġunier, żagħżugħ Malti ta' 30 sena, nstab fiċ-ċella wara li pprova jagħmel suwiċidju.

Huwa ngħata l-ewwel għajnuna mill-istaff mediku tal-ħabs qabel ittieħed Mater Dei.

Dwar dan il-każ infetħek inkjesta maġisterjali.

Ta' min ifakkar li fl-aħħar tliet snin, fil-ħabs mietu tnax-il priġunier.

Mhux l-ewwel darba li qrajna rapporti xejn sbieħ fuq il-ħajja fil-ħabs. 

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif bħala wieħed mill-mezzi ta' kastigi, fil-ħabs kien qed jintuża siġġu li fuqu jintrabtu priġuniera, xi minn daqqiet għarwenin u xi kultant b'xi investa f'rashom.  Dan kien isir bħala kastig, magħmul biex jumilja lill-priġunier.

Sorsi kiennu kkonfermaw ukoll li fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hemm problema kbira ta' ffullar hekk kif il-popolazzjoni hija ta' madwar 900 priġunier meta l-infrastruttura hija magħmula biex tlaħħaq għal madwar 500 persuna. Din il-problema jagħmel referenza għaliha kull sena, il-kriminologu Saviour Formosa, fir-rapport annwali tiegħu dwar il-kriminalità f'Malta.

Intant, kien il-Gvern li ħabbar it-twaqqif ta' dan il-bord li se jkun qed jevalwa s-sitwazzjoni fil-ħabs.

Fi stqarrija qal li l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kien f'kuntatt ma' bords eżistenti u anke professjonisti li ħadmu fil-ħabs bil-għan li jitwaqqaf dan il-bord il-ġdid.

Spjega kif dan il-bord se jkun indipendenti mill-inkjesti maġisterjali li għaddejin.

Intant, fi stqarrija dalgħodu, il-Gvern qal li l-bord se jkun qed jitmexxa mill-Psikjatra Dr Anton Grech bħala Chairman, bil-Membri l-oħra jkunu l-Akkademika Dr Janice Formosa Pace, u t-tabib Dr George Grech. 

Dr Formosa Pace offriet ir-riżenja mill-Bord ta’ Governanza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sabiex tkun tista' sservi fuq dan il-bord. 

L-għan ta’ dan il-bord hu li jirrakkomanda lill-Ministru proposti bbażati fuq:

  • Illi jsir skrutinju tal-proċeduri segwiti fl-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward tal-assessjar tas-saħħa mentali u fiżika ta’ priġunieri li jkunu għadhom kemm ġew ammessi fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, u li tkun tinkludi wkoll studju dwar ir-regoli adottati mill-Aġenzija tal-proċess ta’ introduzzjoni fis-sistemi tal-Faċilità;
  •  Illi jsir skrutinju tal-proċeduri segwiti mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward tal-assessjar tas-saħħa mentali u fiżika tal-priġunieri tul il-perjodu li fih ikunu qed jiskontaw sentenza, kif ukoll analiżi tar-regoli segwiti mill-Aġenzija;
  • Illi jsir skrutinju fuq il-proċeduri segwiti mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward ta’ priġunieri li jkunu rilaxxati mill-isptar Monte Karmeli u li jkunu qed jirritornaw lura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, flimkien mas-sistemi li hemm fis-seħħ dwar assessjar kontinwu mill-Aġenzija fuq il-piġunieri;
  • Illi jsir skrutinju fuq il-proċeduri, politika u regolamenti li ssegwi l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward tar-riabilitazzjoni tal-priġunieri, inkluż u mhux limitatat, b’analiżi fuq l-livell ta’ sapport offrut lil priġunier b’rabta ma xi forma jew oħra ta’ vizzju li jistgħu jkunu jbgħatu minnhom l-istess priġunieri;
  • Illi jsir skrutinju fuq il-miżuri għall-prevenzjoni mis-suwiċidju li ssegwi l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi.

Il-Bord għandu terminu ta’ 60 ġurnata biex jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

More in Politika