278 persuna ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma fis-sħana jistennew port sigur

L-NGO Sea Watch qed tisħaq li l-awtoritajiet Maltin u Taljani qed jinjoraw it-talbiet tagħhom

Il-bastiment tas-salvataġġ Sea-Watch 3 għadu qed jistenna port sigur fejn iniżżel 278 persuna li salva waqt ħames missjonijiet ta’ salvataġġ.

L-ewwel salvataġġ seħħ il-Ħamis li għadda (ġimgħa ilu) meta l-bastiment salva 33 persuna. L-għada salva 64 persuna oħra.

Is-Sibt li għadda, l-NGO akkużat kemm lill-awtoritajiet Maltin u anke lil dawk Taljani, għax fi kliemha, fallew milli jsalvaw lill-immigranti.

Qalet ukoll li minkejja diversi talbiet biex l-immigranti jitniżżlu f’port sigur, sa issa għadhom ma rċevew l-ebda tweġiba la minn Malta u lanqas mill-Italja.

“Mhux biss tħallejna waħedna diversi drabi waqt is-salvataġġ u kellna nistennew sigħat sħaħ biex forsi jwieġbu għal talbiet ta’ għajnuna, imma wara diversi talbiet għadna bla risposta dwar port sigur għall-immigranti,” insistiet l-NGO.

Jidher li meta l-bastiment wasal ħdejn l-immigranti, ħafna minnhom kienu diġà fl-ibħra, b’dawk li salvaw jisħqu li kien hemm magħhom persuni oħra li spiċċaw għerqu.

Aktar immigranti kienu salvati wkoll bejn l-1 u 2 ta’ Awwissu. Fil-fatt, madwar 90 persuna nstabu fuq dgħajsa żgħira tal-injam.

Minn fuq il-bastiment kellhom jiġu evakwati seba’ persuni minn awtoritajiet Taljani u Maltin minħabba raġunijiet mediċi.

“Is-sitwazzjoni tas-saħħa ta’ dawn il-persuni qed tkompli tiddeterjora. Ħafna minn dawn il-persuni għandhom nuqqas ta’ ilma u jinsabu ma jifilħux minħabba l-baħar. Hemm oħrajn li għandhom feriti li qed jinfettaw,” saħqet l-NGO.

Qed takkuża wkoll lill-Istati Ewropej li qed jinjoraw għal kollox is-sitwazzjoni fil-Mediterran. Fakkret li madwar 1,100 persuna għerqu mill-bidu tas-sena ‘l hawn waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran għal ħajja aħjar.

More in Politika