Prepostu ġdid għall-Birkirkara, Arċipriet ġdid għar-Rabat u Kappilan ġdid għal Santa Luċija

L-Arċisqof ħatar ukoll Rettur ġdid għall-Kon Katidral ta' San Ġwann

Dun Louis Suban ġie maħtur mill-Arċisqof ta' Malta bħala Prepostu ġdid tal-Kolleġġjata ta' Santa Elena ta' Birkirkara u dan wara li għal diversi snin serva bħala Arċipriet tal-Kolleġġjata Pawlina tar-Rabat.

Fil-fatt, postu bħala Arċipriet tar-Rabat se jkun qed jieħdu Dun Joseph Mizzi li kien qed iservi bħala Kappillan ta' Santa Luċija. Xogħlu f'din il-parroċċa se jkun qed ikomplih Dun Ronnie Zammit.

Intant, l-Arċisqof ħatar lil Monsinjur Paul Carmel Vella bħala Rettur ġdid tal-Kon Katidral ta' San Ġwann wara li għal dawn l-aħħar snin kien il-Prepostu ta' Birkirkara.

Dun Louis Suban
Dun Louis Suban

Prepostu ġdid Birkirkara

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Louis Suban bħala prepostu arċipriet tal-parroċċa ta’ Sant’Elena, Birkirkara. Dun Louis Suban twieled fis-16 ta’ Jannar 1959. Huwa rċieva l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u segwa l-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-istess seminarju. Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1984. Dun Louis kien għalliem fis-Seminarju Minuri u serva bħala viċi kappillan fil-parroċċa ta’ Bormla. Fl-1994 nħatar kappillan tal-parroċċa tal-Imsida u fl-2003 beda jservi bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat. Il-parroċċa ta’ Sant’Elena f'Birkirkara tiġbor fiha madwar 11,062 persuna.

Arċipriet ġdid għar-Rabat

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Joseph Mizzi bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat. Dun Joseph Mizzi twieled fil-11 ta’ Ottubru 1970. Huwa rċieva l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u segwa l-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit-29 ta’ Ġunju 1997. Kompla jispecjalizza fit-teoloġija taż-żwieġ u l-familja fl-Istitut Ġwanni Pawlu II, fl-Università tal-Lateran f’Ruma. Dun Joseph serva għal disa’ snin bħala assistent direttur tal-Moviment ta’ Kana u disa’ snin oħra bħala direttur. Huwa wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ u bħala arċipriet tal-parroċċa tal-Birgu, u kien ukoll chaplain nazzjonali tal-Gruppi Familji Nsara. Fl-2017 huwa nħatar bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Piju X f’Santa Luċija. Il-parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat tiġbor fiha madwar 11,363 persuna.

Kappillan ġdid għal Santa Luċija

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Ronnie Zammit bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Piju X, Santa Lucija. Dun Ronnie Zammit twieled fid-9 ta’ Marzu 1982. Huwa rċieva l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u segwa l-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2009. Dun Ronnie serva fil-parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, u kien viċi kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Fl-2013 nħatar kappillan tal-parroċċa tal-Kalkara u fl-2017 nħatar viċi rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof. Il-parroċċa ta’ Santa Luċija tiġbor fiha madwar 2,935 persuna.

Rettur ġdid għall-Kon Katidral ta' San Ġwann

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Mons. Paul Carmel Vella bħala rettur tal-Konkattidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Mons. Paul Vella twieled is-Siġġiewi nhar it-23 ta’ Settembru 1961. Huwa rċieva l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u segwa l-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ Lulju 1988. Mons. Vella nħatar segretarju personali u kappillan tal-Arċisqof Monsinjur Ġużeppi Mercieca, u kien ukoll delegat tal-Arċisqof għall-liturġija kif ukoll ċeremonjier tal-Kapitlu Metropolitan u ċeremonjier djoċesan. Fl-1995 ntbagħat Ruma biex jsegwi l-kors tal-Liċenzja fid-Drittu Kanoniku fl-Università Pontifiċja tal-Lateran, u fl-1997 inħatar Difensur taż-Żwieġ fit-Tribunal Ekkleżjastiku u wara mħallef fl-istess tribunal. Fl-2007 nħatar kappillan tal-Papa bit-titlu ta’ Monsinjur u fl-2010 kappillan tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-2013 mar mill-ġdid Ruma biex ikompli l-istudji fid-Drittu Kanoniku fl-Università Pontifiċja ta’ Santa Croce u meta rritorna Malta nħatar bħala kappillan tal-Monasteru San Pietru fl-Imdina. Fl-2017 nħatar prepostu arċipriet tal-parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Fl-2019 nħatar kappillan fi ħdan l-Ordni tas-Santu Sepulkru u monsinjur tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta

More in Politika