Simon Busuttil jgħid li anke l-President għandu jirriżenja wara r-rapport tal-inkjesta pubblika

Busuttil fakkar li George Vella kien Ministru fil-kabinett ta' Joseph Muscat li r-rapport tal-inkjesta jikkritika għan-nuqqas ta' azzjoni u kultura ta' impunità li fi kliemu waslet għall-assassinju ta' Daphne

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li anke l-President ta' Malta George Vella għandu jirriżenja wara li r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia żamm l-Istat responsabbli għal dan il-każ li heżżeż pajjiż.

Busuttil, fakkar li Vella kien Ministru fil-kabinett ta' Joseph Muscat u għalhekk, ġaladarba r-responsabbilità hija waħda kollettiva anke hu għandu jirriżenja "jekk jirrispetta l-Uffiċċju tiegħu."

Ir-rapport, twil aktar minn 400 paġna, ikkonkluda li l-kultura ta' impunità li nħolqot fil-pajjiż u li nxterdet fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Gvern u l-pajjiż, kienet responsabbli għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Ikkonkluda li l-Istat naqas milli jirrikonoxxi ir-riskju "reali u immedjat" għall-ħajja tal-ġurnalista li nqatlet. Insista li l-Istat falla milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevita dan ir-riskju.

More in Politika