30% tal-adoloxxenti li għandhom bejn 12 u 15-il sena diġà huma mlaqqma kompletament

10,892 ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin u b'kollox intbagħtu 16,200 invit

5,803 itfal li għandhom bejn 12 u 15-il sena diġà huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19. Dan ifisser li aktar minn 30% tal-adoloxxenti f'dawn l-etajiet, issa huma mlaqqma kontra l-Covid-19.

Dan ikkonfermah il-Ministeru għas-Saħħa mal-MaltaToday.

B'kollox, il-Ministeru bagħat 16,200 invit għal dawn l-adoloxxenti. 10,892 ħadu mqar doża waħda.

L-adoloxxenti bdew jirċievu l-istedina biex jieħdu l-vaċċin mill-aħħar ta' Ġunju u dan wara li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina approvat l-użu tal-vaċċin tal-Pfizer għalihom.

Il-ġimgħa li għaddiet ukoll, il-Ministeru ħabbar li dawk li għandhom inqas minn 15-il sena jistgħu jniżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin permezz ta' PIN code. Dan jista' jintuża bħala alternattiva għan-numru tad-dokument tal-ID li jinsab fuq wara tal-karta tal-identità.

Il-ġenituri jew dawk li jrabbu lil dawn l-adoloxxenti kellhom jirċievu SMS bl-informazzjoni kollha.

B'kollox sa issa Malta amministrat 762,832 doża tal-vaċċin. 400,760 persuna ħadu mqar doża waħda.

Dan ifisser li 84.8% tal-popolazzjoni adulta issa hija mlaqqma kompletament.

More in Politika