Paġni nieqsa mir-rapport tal-inkjesta pubblika; Il-Bord jgħid li kien żball tekniku

Matthew Caruana Galizia u Jason Azzopardi jisħqu li fost il-paġni nieqsa kien hemm waħda dwar l-Electrogas u r-rabta mal-kumpanija 17 Black

Il-Bord tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia qal fi stqarrija li fir-rapport li ppreżenta kien hemm tliet paġni nieqsa.

Dawn il-paġni huma 23, 61 u 261.

"Jidher li dawn il-paġni neqsin spiċċaw moħbija wara l-paġni bit-titlu li segwew. Jirriżulta li din kienet biss kwistjoni teknika u ma kien hemm xejn intenzjonat," saħaq il-Bord.

Fi stqarrija, il-Bord qal li se jara li din tkun solvuta u li jintbagħtu kopji ġodda lil dawk konċernati.

Fil-fatt, ftit qabel, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, saħaq li fost il-paġni nieqsa hemm waħda li titratta l-Electrogas u l-investigazzjoni li kienet qed tagħmel Caruana Galizia dwar il-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-assassinju.

Ġibed l-attenzjoni dwar dan, anke Matthew Caruana Galizia, iben Daphne. Ikkwota mill-paġna u saħaq illi li kieku ommu żvelat minn qabel minn kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, "fi żmien meta l-Electrogas kienet f'riskju li tfalli," kieku l-Gvern ma kienx ikun f'pożizzjoni li joħroġ garanzija u l-futur tal-kumpanija kien jispiċċa f'riskju. 

Il-Bord fakkar ukoll li kif ammetta hu stess, f'dan iż-żmien kollu, l-eks Chief of Staff ta' Kastilja, Keith Schembri, kien jaf min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black. Ovvjament baqa' sieket.

Ir-rapport, twil aktar minn 400 paġna, ikkonkluda li l-kultura ta' impunità li nħolqot fil-pajjiż u li nxterdet fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Gvern u l-pajjiż, kienet responsabbli għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Ikkonkluda li l-Istat naqas milli jirrikonoxxi ir-riskju "reali u immedjat" għall-ħajja tal-ġurnalista li nqatlet. Insista li l-Istat falla milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevita dan ir-riskju.

More in Politika