Hekk kif numru ta' lokalitajiet jispiċċaw bla dawl jitħabbar li d-domanda għall-elettriku laħqet livelli rekord ilbieraħ

Il-mewġa ta' sħana ġabet domanda rekord għall-elettriku u ħsarat fis-sistema low voltage - L-Enemalta tiskuża ruħha

Xi lokalitajiet bla dawl madwar il-pajjiż hekk kif id-domada tilħaq livelli rekord
Xi lokalitajiet bla dawl madwar il-pajjiż hekk kif id-domada tilħaq livelli rekord

Hekk kif numru ta' lokalitajiet sofrew minn qtugħ ta' dawl fl-aħħar sigħat l-Enemalta ħabbret li d-domanda għall-elettriku lbieraħ laħqet livell rekord ta’ 561MW. Din kienet 6% aktar mill-ogħla domanda ta’ 510MW li kienet reġistrata f’Lulju tal-2019.

Id-domanda għall-elettriku fil-fatt bdiet tiżdied mill-ewwel mewġa ta’ sħana li laqtet il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem ta’ Ġunju meta d-domanda laħqet 536MW. Din ukoll kienet qabżet ir-rekord ta’ Lulju ta’ sentejn ilu. Meta mqabbla mas-sena l-oħra, id-domanda għall-elettriku fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena żdiedet b’ 7.7%.

"Iż-żieda qawwija fid-domanda li kellna f’dawn il-ġimgħat, u b’mod partikolari t-temperaturi għoljin, kkawżaw ħsarat fuq is-sistema tal-low voltage li konsegwenza tagħha tolqot numru ta’ klijenti tal-Enemalta f’partijiet minn diversi lokalitajiet. Filwaqt li l-Enemalta tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent, qed tkompli tagħmel l-almu tagħha biex jonqos il-ħin tas-sospensjoni tal-elettriku. Il-ħin ivarja skont it-tip ta’ ħsara, fejn f’waqtiet l-elettriku jiġi lura wara ftit tal-ħin u f’oħrajn it-tiswijiet jieħdu aktar fit-tul."

Biex tnaqqas l-inkonvenjent fejn possibbli, l-Enemalta qed tipprovdi servizz temporanju alternattiv permezz ta’ generators li jitpoġġew ħdejn is-substation sakemm jitlestew it-tiswijiet, temmet tgħis fl-istqarrija.

More in Politika