Analiżi | Il-legat ta' Muscat u kif se jdur miegħu Abela wara r-rapport tat-tliet Imħallfin

F'din l-analiżi l-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn l-effett tar-rapport dwar l-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fuq il-legat ta' Joseph Muscat u dak tal-PM kurrenti, Robert Abela ... 

Tmiem din il-ġimgħa kienet iddominata mir-rapport tat-tliet Imħallfin dwar x'sehem seta' kellu, dirett jew indirett, l-Istat b'azzjonijiet diretti jew indiretti fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  Ir-rapport finali ma kien xejn jekk mhux skjaċċanti fil-konfront tal-Gvern ta' Muscat u sa ċertu punt il-Gvern Laburista kollu, bi kritika qawwija fuq kif il-Gvern ta' Muscat ħalla dik li tissejjaħ "qarnita" tikber u twassal għall-"kollass fis-saltna tad-dritt." 

Naturalment rapport ta' dan it-tip ikollu effetti politiċi, istantanji u differenti fuq nies differenti li jissemmew (jew le) fir-rapport. F'din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn l-effetti politiċi ta' dan ir-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-eks PM Joseph Muscat u l-Prim Ministru preżenti Robert Abela  

Joseph Muscat 

Għal Muscat dan ir-rapport mhu xejn jekk mhux kundanna għal mod kif ippermetta lil ċerti nies - primarjament Keith Schembri - jmexxu Kastilja. Ir-rabta bejn Muscat u Schembri dejjem kienet u baqgħet l-akbar mazzra ma għonq Muscat, mazzra li għal xi raġuni sa issa mhux magħrufa Muscat baqa' qatt ma neħħa kompletament minn ma' għonqu anke wara li l-istess Schembri rnexxielu jniżżel lilu nnifsu u lil Muscat u l-edifiċju ta' saħħa tagħhom, mill-poter - minħabba l-qrubija u dawk li r-rapport jsejjaħ "kunfidenzi żejda" u "intriċċi" ma' negozjanti kbar, notevolment Yorgen Fenech. 

Jibqa' misteru għaliex Muscat għadu qatt ma kellu l-kuraġġ jikkundanna bla ebda riservi lil Keith Schembri għall-ftuħ ta' kumpaniji fil-Panama, għar-rabta ta' dawn il-kumpaniji ma' 17 Black, għar-rabta ta' 17 Black u l-kumpaniji ta' Schembri/Konrad Mizzi u flus li kellhom jgħaddu fihom u finalment għar-rabta bejn Keith Schembri ma' 17 Black, ta' Yorgen Fenech akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u li minn naħa tiegħu mal-pulizija insista li l-mandant ta' dan l-assassinju ma' kien ħadd ħlief Keith Schembri.  

Li anke f'dan l-istadju Muscat baqa' jankra ruħu mal-vapur mgħerreq u skreditat ta' "sieħbu" fetaħ lill-eks Prim Ministru mhux biss għall-kritika u d-dubji serji pero' wkoll għal rapport bħal dak ta' din il-ġimgħa.  

Anke kieku stess Muscat ma kienx marbut mal-ħolqien tal-kumpaniji fil-Panama (ġurisdizzjoni ta' segretezza) biex fihom fl-ewwel sena jidħlu $2 minn attivitajiet ta' riċiklaġġ u turiżmu (li la Keith u lanqas Konrad ma kellhom negozju fih) u anke kieku hu ma kien se japprofitta xejn mill-flus li daħlu f'17 Black ($1.6 miljun), id-determinazzjoni stramba tiegħu li jibqa' leali lejn Schembri għamlitha faċli ħafna biex l-avversarji tiegħu jorbtu d-dnubiet ta' Schembri miegħu wkoll.  

Fil-fatt Muscat ma rreżenjax biss għax it-temperatura politika fil-pajjiż kienet għoliet għal livelli perikolużi, bi protesti  - wħud kbar - fil-Belt Valletta, imma għax ta' strateġista tajjeb li hu, kien jaf li ladarba isem Keith Schembri iċċappas issa anke bl-assassinju nnifsu, il-pożizzjoni tiegħu ma kinitx aktar sostenibbli. 

Immaġina kieku Muscat baqa' Prim Ministru meta rriżulta li Yorgen Fenech kien dieħel u ħiereġ Kastilja, meta l-Koħħu qal li kien iwassal lil Alfred Degiorgio Kastilja, meta Yorgen Fenech qal li Keith Schembri kien jgħafsu biex imexxi u ma jdumx fil-proċess tal-assassinju, meta it-tabib Adrian Vella qal li kien mar għand Schembri li għaddhielu karti u ordanlu jgħaddihom lil Yorgen Fenech...ara kieku ma' kull biċċa informazzjoni u xhieda bħal din fil-Qorti kemm kienet tikber aktar l-instabilità!  

Dan kollu Muscat seta' għarfu, għalhekk kif qal hu stess fir-reazzjoni għar-rapport hu ħallas "il-prezz aħħari." 

Il-prezz aħħari kien l-irbit tal-vapur mal-fortuni ta' Schembri! 

Muscat seta' ppreveda iżda li l-prezz aħħari li ħallas, ma kienx se jfisser it-tmiem tal-inkwiet tiegħu fuq din il-kwistjoni. Għaliex? Għax it-tmiem ta' din il-kwistjoni tiġi biss meta r-rota tal-ġustizzja tkun daret kollha u meta jkun determinat min hu ħati , bla ebda dubju, pero' wkoll min hu innoċenti - bla ebda dubju.  

Meta fuq Schembri waqgħet sħaba tqila u sewda, minkejja l-istrateġiji eċċezzjonali ta' Muscat li waslu għal rebħiet kbar, l-eks PM ħa l-akbar żelqa strateġika: Żamm lil Keith Schembri, ħallieh bl-istess poter li kellu u aktar minn hekk rabat lill-Grupp Parlamentari kollu inkluż lill-Kabinett mal-fortuni ta' Keith Schembri, tant li fil-pubbliku ħadd ma seta' jikkritkah.  

Dan kien suwiċidju politiku tal-prima klassi. Suwiċidju politiku li dejjem qed jagħfas aktar fuq il-legat ta' Muscat u jagħmel dan il-legat aktar u aktar diffiċli li jingħata analiżi xierqa u ġusta, lilhinn mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  

Se jkun diffiċli anke għall-Partit Laburista, għalissa, li jiftaħar bil-kisbiet soċjali u ekonomiċi kbar li seħħew taħt Muscat mingħajr ma l-kelliema tiegħu jidħlu fir-riskju serju li jiġu ffaċċjati b'imbarazzament dwar dan il-każ, b'Keith Schembri u bid-determinazzjoni stramba ta Muscat li jibqa' leali lejn Schembri, anke meta niżlu fil-qiegħ! 

Tant għamilha faċli Muscat biex l-avversarji tiegħu jgħidu li baqa' jappoġġjah "għax kien imdaħħal miegħu" li kważi, kważi lanqas titwemmen!  

Dak huwa l-vera prezz aħħari li ħallas Muscat. Li rabat lilu nnifsu ma' vapur li kien jaf li se jinżel, tant li lanqas il-Partit Laburista stess llum ma jrid ikun assoċjat ma' Keith Schembri! L-unika persuna politika li tidher li ma tridx tabbandunah billi tiċħdu, huwa Joseph Muscat! 

Il-legat ta' Muscat 

Il-legat ta' Muscat se jkun definittivament wieħed diffiċli u kontroversjali ħafna biex jinkiteb. Jekk il-legat politiku ta' persuna dejjem jinkiteb l-aħjar minn osservaturi oġġettivi, din id-darba l-oġġettività se tilgħab parti bil-wisq akbar. Għaliex?  

Għax l-estremitajiet li bih jista' jiġi kkalkulat dan il-legat huma kbar. Fuq naħa: Bidliet soċjali f'oqsma bħad-drittijiet ċivili li kienu enormi u li għandna sal-lum ma fhimniex il-kobor tagħhom (IVF, drittijiet persuni LGBTIQ, Liġi tal-Ġeneru, l-appoġġ tiegħu għad-divorzju...). Ma dan, ħolqien ta' ġid kbir u tisħiħ tal-miżuri soċjali u l-Wefare State, b'żidiet fil-pensjonijiet, childcare b'xejn, żidiet fiċ-ċhildrens' allowance, tneħħija tal-boll fuq l-ewwel u t-tieni proprjetà, żidiet f'għajnuniet ta' wens u oħrajn. Dawk ta' Muscat kienu wkoll snin immarkati minn rekords kbar fit-turiżmu u fix-xogħol, fost oħrajn. Kienu seba' snin ta' ġid! 

Minn naħa l-oħra iżda kienu wkoll snin iddominati minn każi ta' governanza ħażina, kuntratti dubjużi u l-assassinju ta' ġurnalista. Bdejna b'każ li llum jidher żgħir - dak tal-Kafè Premiere, u minn hemm mexa' għall-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia, il-każ ta' triq Zekka u l-VGH, sakemm fl-2015 faqqa' l-iskandlu tal-Panama - b'Konrad Mizzi u Keith Schmebri jkunu tnejn minn diversi Maltin oħrajn b'kumpaniji hawn, pero' l-uniċi politiċi f'Malta b'dawn l-istrutturi fil-Panama. Din tal-Panama baqgħet tiggrava u tiggrava, kull darba li jinkixef xi fatt ġdid sakemm irriżulta li kienu marbutin ma' 17 Black, li din kellha tgħaddi flus lilhom u li f'din il-kumpanija daħlu flus mill-Ażerbajġan u allegatament mill-aġent tat-tanker tal-LNG lokali. Dan kollu wasal f'qofol nhar is-16 ta' Ottubru 2017, meta inqatlet l-akbar kritika tal-Gvern (u anke tal-Kap Nazzjonalista dak iż-żmien), il-persuna li kixfet il-kumpaniji fil-Panama u li kien jidher illi kellha aktar informazzjoni dwar 17 Black (meta inqatlet ma konniex nafu li 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech u lanqas xi flus għaddew minnha) u Macbridge u l-ġurnalista li kienet kitbet li Egrant kienet ta' Michelle Muscat - xi ħaġa li ma nstabitx prova tagħha minn inkjesta maġisterjali estensiva. Kienet ukoll il-mara li Muscat ddeskriviha bħala "l-oppożizzjoni fiha nnifisha" u  li kixfet il-mard ta' Keith Schembri, li kienet tiżżufjetta b'ħafna Laburisti u li kellha mibgħeda lejn il-Partit Laburista b'mod ġenerali, anke minħabba esperjenzi personali tagħha.  

Naturalment dan l-assassinju ġab l-attenzjoni tad-dinja fuq Malta, poġġa dawl ikrah fuq pajjiż li iktar iva milli le, huwa meqjus pjuttost irrelevanti għal ħafna poteri kbar. Minn pajjiż tax-xemx u l-baħar, spiċċajna pajjiż b'ħafna attenzjoni. II-qtil ta' ġurnalista li kienet qed teħodha daqstant kontra l-Gvern ma seta' kellu ebda effett ieħor ħlief dak dannuż, li kellu! 

Se jkun impossibbli li l-legat ta' Muscat jiġi mkejjel lilhinn minn dan l-assassinju, anke bl-oġġettività kollha li xorta jixraqilha l-kitba ta' din l-istorja. Sfortunatament il-legat ta' Muscat huwa 'damaged goods' u xejn mhu se jirranġah! 

Robert Abela 

Il-fatti u allura d-destin ta' Robert Abela huwa differenti, u se jibqa' jkun differenti kemm jagħmlu hu.  

Fl-ewwel dehra tiegħu wara li kien hu stess li ppubblika r-rapport tal-Inkjesta l-Prim Ministru Abela offra apoloġija lill-familja Caruana Galizia. Għalkemm din niżlet bħal kuċċarina mrar għal min jara aħmar biss, kienet punt ta' tluq bl-aktar mod differenti mill-predeċessur tiegħu. Għall-ewwel darba kien hemm attentat ċar ta' rikonċiljazzjoni bejn mexxej Laburista u l-familja Caruana Galizia - attentat li l-familja irrikonoxxiet. Mela allura inizzjalment, u f'dan il-punt, Abela diġà ħoloq differenza bejn l-attentati ta' rikonċiljazzjoni tal-lum, u d-diviżjoni assoluta tal-bieraħ! 

Abela għandu favurih elenku ta' riformi li saru minn Jannar 2020 sal-lum, l-aktar riformi fil-Ġudikatura - kemm il-ħatra tagħha kif ukoll it-tneħħija, bidliet importanti fil-Kostituzzjoni u allura l-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika, l-Ombdsman, il-Kummissarju tal-Pulizija u karigi oħrajn, kif ukoll riformi li ġew rikonoxxuti mill-Moneyval u mill-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi fl-FATF. Tressqu Keith Schembri, Adrian Hillman u oħrajn fuq ħasil ta' flus u tkisser ċirku ta' nies u negozji - fosthom Darren Debono, fuq ħasil ta' flus ukoll.  

Dan irrikonoxxewh il-Kummissjoni Venezja wkoll, u anke t-tmexxija tal-FATF u r-rapport li ħareġ din il-ġimgħa. 

Abela huwa meqjus bħala Prim Ministru li sab l-akbar għawġ permezz tal-pandemija Covid-19 iżda li s-sondaġġi juru illi ħafna jqisu li mmaniġġja b'mod tajjeb, permezz ta' ħemel ta' miżuri li salvaw l-impjiegi u ħolqu l-kummerċ, kif ukoll permezz ta' rilaxx ta' miżuri b'ċertu kawtela (bosta jħossu li hija kawtela żejda!).  

Issa sab sfida oħra kbira, dik tal-FATF  - wara l-vot kontra Malta mir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Ġermanja - tliet pajjiżi li tradizzjonalment Malta dejjem kellha relazzjoni tajba ħafna magħhom. Minkejja li l-effett għadu mhux jinħass it-test għal Abela fuq din il-kwistjoni beda u se jkun test importanti ħafna biex is-settur finanzjarju ma jiħux daqqa mortali.  

Abela kien parti mill-Kabinett ta' Muscat! 

Ir-rapport xi ftit jiskoplixxi lil Robert Abela hekk kif ma jsemmihx, iżda minn naħa l-oħra jitfa' wkoll responsabilità fuq il-Kabinett ta' Muscat u Abela kien parti minnu. Allura l-kredibilità tiegħu hija mitlufa minħabba dan il-fatt?  

Il-fatt li Abela kien f'dak il-Kabinett - anke jekk ma kienx meqjus bħala wieħed mill-favoriti ta' Keith Schembri et al - ma jgħinx. Ma jgħinx il-fatt li Abela ftit li xejn tkellem kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi, karatteristika komuni ħafna fil-politika Maltija.  

Il-magna taż-żewġ partiti la taċċetta u wisq inqas tippromovi id-dissens fil-pubbliku u dan rajnieh fil-każ ta' Franco Debono, per eżempju, fl-2012 u fil-każ ta' Mintoff fl-1998.  

Minkejja dan, ir-rapport jinnota kif is-silenzju kien forma ta' approvazzjoni ta' dak li kien qed jagħmel Schembri u oħrajn, li fil-fatt huwa punt validu li jaħdem kontra Abela.  U dan jidher mill-fatt li l-istess Abela kien ħerqan biex għal kull mistoqsija jsemmi r-riformi li għamel fil-Gvern hu, kif ukoll il-fatt li malli sar PM hu nies bħal Keith Schembri, Konrad Mizzi, Neville Gafa' u oħrajn sparixxew (jew fil-każ ta' Mizzi, tneħħew bil-forza) mix-xena ta' amministrazzjoni pubblika. Huwa rrefera għall-amministrazzjoni tiegħu bħala waħda li bdiet minn Jannar 2020, tentattiv ċar biex mingħajr ma jgħid il-kliem, xorta jinqata' u jaqta' kemm jista' l-legat tiegħu bħala Prim Ministru minn dak tal-predeċessur tiegħu.  

Kif se jdur mal-kwistjoni 'Muscat'? 

Robert Abela jrid jew qed jipprova, jimxi t-triq tiegħu, mingħajr ma qatt jikkundanna jew b'xi mod jiddistanzja lilu nnifsu minn Muscat b'mod pubbliku u uffiċjali, pero' fl-istess ħin jiddistingwi lilu nnifsu biżżejjed mil-legat ta' Muscat, biex jitqies differenti minnu.  

Dan huwa bilanċ diffiċli, speċjalment minħabba l-fatt li Muscat għadu jgawdi ħafna rispett fost ħafna votanti Laburisti. Naturalment hawn jidħol il-PN li jkebbes in-nar billi jitlob lil Abela jkeċċi lil Muscat, xi ħaġa li l-PN jaf sew li ma tistax issir jekk Abela jrid jirbaħ l-elezzjoni u ma jaqsamx il-PL, imma xi ħaġa li l-PN jista' juża kontra Abela.  

Fil-fatt Abela jista' jibqa' ċert li l-istrateġija tal-PN se tkun (jew aħjar se tibqa') li d-differenzi bejn Abela u Muscat jkunu minimi jew ineżistenti, li wieħed jidher bħala kontinwazzjoni tal-predeċessur tiegħu.  

Xi ftit jew wisq iż-żewġ strateġiji se jaħdmu: Abela se jiddistingwi lilu nnifsu, pero' mhux b'mod komplet u assolut - sakemm dan iżda, jingħata mandat ġdid.  

L-uniku mod kif Abela jista' jinqata' b'mod assolut minn Muscat huwa billi jingħata mandat u mandat li jkun daqs, qrib jew ikbar minn ta' Muscat, biex b'hekk juri li t-triq li qed jipprova jaqbad hu tista' tħalli l-frott elettorali ukoll. B'hekk hu jilleġittimizza l-pożizzjoni tiegħu u l-modi tiegħu ta' tmexxija b'sodezza.  

Sakemm jagħmel dan, jibqa' meqjus fil-perċezzjoni ta' ħafna bħala Prim Ministru li qed imexxi bil-mandat mogħti lil ħaddieħor! Xi ħaġa li tibqa' torbtu mal-predeċessur tiegħu.  

More in Politika