'Riklam tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi isem jew ritratt ta’ Ministru' - Hyzler

Il-Kummissarju tal-Istandards b'linji gwida ġodda dwar riklamar minn Ministeri u entitajiet pubbliċi

Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler
Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler

Il-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler ħabbar linji gwida dwar riklamar ta' Ministeri fuq gazzetti, u fost oħrajn qed jisħaq li riklam tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi isem jew  ritratt ta’ Ministru kif ukoll li pubblikazzjoni li tkun sponsorjata mill-Gvern għandha tindika dan il-fatt għall-finijiet ta’ trasparenza.  Il-Kummissarju qed jisħaq li Ministru għandu jidderieġi fondi pubbliċi lejn il-midja għall-finijiet ta’ riklamar skont kriterji ġusti u oġġettivi. 

Huwa qed jipproponi li riklam jew materjal promozzjonali tal-Gvern jew ta’ entità pubblika m’għandux jinkludi kontenut ta’ natura partiġġjana, li għandu jkun fattwalment korrett f’dak li jgħid u li fil-każ ta' fuljett jew dokument ieħor (basta mhux riklam jew advertorial) maħruġ mill-Gvern jew entità pubblika jista’ jinkludi kontenut li jirreferi għal Ministru, basta dan il-kontenut ikun strettament limitat u jikkontribwixxi għall-għanijiet leġittimi tad-dokument.

Dawn il-linji gwida ma jirrappreżentawx regoli ġodda fihom infushom. Huma jindikaw kif il-Kummissarju se japplika r-regoli eżistenti fil-kodiċi ta’ etika tal-Ministri f’każi li jinvolvu riklami jew materjal promozzjonali imħallsa minn fondi pubbliċi.

Fl-istqarrija tiegħu l-Kummissarju Hyzler qal li "l-linji gwida jirrikonoxxu li l-Gvern għandu dover li jikkomunika mal-pubbliku, u għandu diskrezzjoni wiesa’ biex jiddeċiedi meta għandu jikkomunika permezz ta’ riklami u materjal promozzjonali għal skopijiet leġittimi." Biss huwa qal li l-Ministri m’għandhomx jonfqu fondi pubbliċi fuq pubbliċità personali jew politika.

"Il-linji gwida huma maħsuba biex jiżguraw li dan ma jsirx" temm jgħid il-Kumissarju tal-Istandards George Hyzler. 

More in Politika