Il-PN iwiegħed referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex jekk ikun fil-Gvern

Iwiegħed ukoll li jintroduċi żewġ vapuri oħra u anke jkabbar il-port tal-Imġarr

Il-Partit Nazzjonalista ressaq għadd ta' proposti oħra għal Għawdex, liema proposti din id-darba jindirizzaw l-isfida tal-konnettività bejn il-gżejjer.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliema Chris Said, Joe Ellis u l-kandidat Alex Borg, il-PN wiegħed li jekk ikun fil-Gvern mhux biss jinsisti li jsiru l-istudji kollha u neċessarji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex imma anke jagħmel referendum fost l-Għawdxin wara li jippubblika l-istess studji.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed ukoll li jkabbar il-port tal-Imġarr, biex ikun jinkludi aktar spazju għall-parkeġġ "kemm għal min jaqsam lejn Malta għall-qadi u anke għal dawk li jmorru Għawdex u jibqgħu igawdu l-faċilitajiet tal-port.

Ix-xogħlijiet proposti jinkludu ċ-ċaqliq tal-breakwater biex jiżdied l-ispazju anke biex ikunu jistgħu jidħlu u jorbtu l-cruiseliners u anke biex jonqos il-ħela ta' ħin, għal min juża l-vapuri, li fi kliem Chris Said qed jiżdied minħabba li issa żdiedet l-attività fil-Port, inkluż bl-introduzzjoni tal-fast ferry.

Wiegħed ukoll li jipprovdi żewġ vapuri oħra, wieħed għall-passiġġieri u ieħor li jkun iddedikat biss għall-merkanzija, liema servizz kien inqata' minn Gvern Laburista. Fil-fatt, il-PN qed jipproponi wkoll studji biex ikun jista' jinstabu portijiet/mollijiet alternattivi f'Malta, f'Baħar iċ-Ċagħaq jew inkella f'San Pawl il-Baħar, għall-vapur tal-merkanzija.

Fl-aħħarnett wiegħed ukoll li jikkunsidra servizzi bl-ajru bejn Malta u Għawdex, proposta li l-gazzetta ILLUM kitbet ukoll dwarha fl-aħħar ġimgħat. Il-kelliema saħqu li dawn iseħħu wara li jsiru l-istudji kollha neċessarju u li jkun implimentat bl-inqas impatt ambjentali u viżiv possibbli.

Il-kelliema tal-PN, tul il-konferenza saħqu li l-aċċessibbilità bejn il-gżejjer hija prijorità assoluta partikolarment għall-Għawdxin li kuljum jew ta' spiss ikollhom jinżlu Malta. Chris Said insista li konnettività tajba żżid it-turiżmu, l-investiment u anke l-ekonomija Għawdxija. 

Fakkar fi proġetti li wettqu gvernijiet nazzjonalisti tul is-snin, fosthom il-bini tal-port tal-Imġarr, il-vapuri tal-Gozo Channel u anke l-bini ta' toroq ġodda, fost oħrajn. Mill-banda l-oħra saħaq li Gvern Laburista neħħa servizzi essenzjali bħall-vapur tal-merkanzija li kien jitlaq minn Sa Maison.

"Fl-aħħar ftit snin, il-ftit miżuri dwar l-aċċessibilitá li ħa l-Gvern Laburista kienu li ħaddem kemm jista’ jkun nies mal-Gozo Channel, b’theddida għall-vijabilità tas-servizz, beda l-istudji dwar il-mina, b’segretezza kbira fuq il-kontenut ta’ dawn l-istudji, kera vapur ta’ 35 sena, u dam tmien snin biex beda s-servizz ta’ fast ferry, biex fl-aħħar ġimgħat, maħkum b’ paniku, ħasel idejh minnu u ħalla f’idejn il-privat," insistew. 

Propju għalhekk li, fi kliemhom, il-PN ħareġ b'dawn il-proposti li huma frott il-ħidma tal-cluster iddedikat għal Għawdex.

Aktar proposti mill-PN għal Għawdex:

More in Politika