'Mark Laurence Zammit qatt ma kien offrut li jerġa' jippreżenta l-Erbgħa fost il-Ġimgħa' - We Media

Il-Kumpanija WE Media tgħid li mhux veru li l-PBS waqqaf l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa u minflok sar rebranding biex jittella' l-programm TOPIK jumejn fil-ġimgħa

Il-Programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa
Il-Programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa

Il-Kumpanija We Media li tmexxi l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa sostniet li Mark Laurence Zammit - li lbieraħ qal li se jieqaf mill-program minħabba indħil mill-PBS - qatt ma kien offrut li jerġa’ jippreżenta l-programm wara l-aħħar skeda u ma kellu ebda involviment fid-deċizjonijiet li jinvolvu l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa. 

"Mhuwiex minnu li l-PBS waqfet il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa, anzi kien għadu ikkunsidrat sa ftit ġimgħat ilu meta Mark Laurence Zammit kien diġà fuq in-notice of termination tal-impjieg tiegħu bħala producer minn ma’ We Media Ltd," sostniet il-kumpanija. 

We Media - li kienet tippreżenta wkoll il-Programm Xarabank - fakkret li L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa huwa proprjetà tagħha u hija "l-We Media biss li tiddeċiedi min jippreżenta il-programm."

Huma qalu li mhu veru xejn li l-programm ġie imwaqqaf mill-PBS, "pero bi qbil bejn il-producers u l-istazzjon nazzjonali sar rebranding tal-programm biex jiċċaqlaq għal fuq l-istazzjon TVMNews+ u jitqassam fuq żewġ partijiet, jiġifieri l-Erbgħa u l-Ġimgħa, u jinbidel l-isem għal TOPIK."

More in Politika