F'erba' snin sar xogħol ta' titjib u tisbiħ fuq 600 blokka ta' akkomodazzjoni soċjali

 Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu qed jitlestew it-tisbiħ u r-riġenerazzjoni tal-faċċati fuq 61 blokka oħra

Il-Ministru Galdes waqt il-konferenza tal-aħbarijiet
Il-Ministru Galdes waqt il-konferenza tal-aħbarijiet

Mill-2017 sal-lum il-ġurnata saru xogħlijiet ta’ tisbiħ u ta’ titjib fuq aktar minn 600 blokka fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali. Dan ifisser li mill-istokk eżistenti li jlaħħaq mal-1,117-il blokka, sar xogħol li għamel differenza fuq 54% tal-istokk imxerred mal-pajjiż kollu.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara fil-qasam residenzjali ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ, fejn ta rendikont tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ titjib li saru fil-blokok tal-oqsma tad-djar imxerrdin ma’ Malta u ma’ Għawdex.

Il-Ministru Galdes qal li qed tinżamm il-wegħda li jiġu riġenerati l-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali kollha. Fil-fatt, sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu qed jitlestew it-tisbiħ u r-riġenerazzjoni tal-faċċati fuq 61 blokka oħra. Bl-iskema kollaborattiva mal-kunsilli lokali, se jsiru tisbiħ u titjib tal-partijiet komuni f’112-il blokka oħra madwar Malta u Għawdex u bl-investiment b’saħħtu mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u bl-iskema ta’ installazzjoni ta’ lifts sal-aħħar tas-sena 2022, se jkun hemm 158 blokka li se jkollhom lift installat.

Partijiet mill-istokk eżistenti tal-akkomodazzjoni soċjali ilu mibni mis-snin 70. Minn meta tela’ ċertu bini qatt ma ngħata l-manutenzjoni meħtieġa. Fi kliem il-Ministru Galdes, “Min ma ndukrax dan il-bini, ma ndukrax lill-familji li jgħixu fih”.

Dawn ix-xogħlijiet saru permezz tal-ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Awtorità tad-Djar, SPM Ltd, Housing Maintenance and Embellishment Ltd kif ukoll bl-investiment miġjub mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Bix-xogħlijiet li se jkunu ntemmu sa tmiem din is-sena, l-investiment tal-gvern mill-budget għall-housing se jkun laħħaq it-€12-il miljun. Dan minbarra li l-Awtorità tad-Djar kisbet fondi Ewropej għall-parti l-kbira tal-lifts li qed jiġu installati biex jagħmlu r-residenzi kollha aċċessibbli. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li qatt daqs illum ma kien hemm interventi differenti fil-binjiet eżistenti tal-Awtorità tad-Djar. McKay qal li "kellna għażla bejn li nagħmlu l-minimu possibbli u li nieħdu ħsieb biss xogħlijiet strutturali relatati mal-integrità tal-binjiet jew li ninvestu f’binjiet isbaħ, aktar aċċessibbli u aħjar."

Leonid McKay ikkonkluda li fix-xhur li ġejjin, id-doża ta’ dawn ix-xogħlijiet ser tiżdied. Kien għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew tnieda l-Housing Development Fund sabiex jintużaw sorsi differenti ta’ fondi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ min jgħix f’dawn il-binjiet u fil-madwar.

Leonid Mc Kay
Leonid Mc Kay

 

More in Politika