Cacopardo jgħid li Parlament b'żewġ partiti biss ma jista' qatt iżomm lil Gvern kontabbli

Jikkundanna lid-Deputati Laburisti li ħallew lil Joseph Muscat "jagħmel li jrid" u jfakkar li "espert fl-evażjoni tat-taxxa" illum qed imexxi lill-PN

(Arkivji)
(Arkivji)

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet fil-Belt Valletta, Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party qal li dak kollu li smajna dwaru fl-aħħar jiem seta' jseħħ primarjament għaliex il-Parlament ma qediex dmiru u għaliex f'Parlament ta’ żewġ partiti dmiru ma jistax jaqdih  għax naħa għandha s-saħħa li tirrombla fuq l-oħra mingħajr il-ħtieġa li tiddiskuti.

Carmel Cacopardo qal li r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa ċar daqs il-kristall u juri li "uffiċċjali fl-ogħla kariga tal-pajjiż, inkluż fil-Kabinett tal-Ministri qdew l-interessi tal-flus qabel dak tal-pajjiż, u jħossu li ma jista’ għalihom ħadd u li għandhom xi dritt li jagħmlu li jridu mingħajr rispett tal-liġi."

Cacopardo sostna li r-rapport jixhed ukoll dak li iddeskriva bħala "d-dgħjufija tal-istat Malti, ibbażat fuq demokrazija minima, sistema kważi dittatorjali fejn il-Gvern u l-Prim Ministru jsiru qishom xi Re li jgħaddu bħall-gaffa minn fuq kulħadd." Huwa qal li f’dal-każ partikolari l-Partit Laburista u l-Membri Parlamentari tiegħu għandhom ħafna xi jwieġbu għax ikompli jgħid li ħallew lil Joseph Muscat "jagħmel li jrid, ħallewh itejjeġ lill-Gvern u lill-Partit ma’ interessi finanzjarji kbar, anzi firxilhom it-tapit."

"Infakkru wkoll kif li hawn min huwa espert fl-evażjoni tat-taxxa imma qisu xejn m’hu xejn, anzi illum imexxi lill-PN. Anke din hija impunità."

Huwa kompla jgħid li l-viċinanza bejn il-politika tal-PLPN u d-dinja tan-negozju minn dejjem kienet u fakkar li waqt id-diskorsi fid-dibattitu fil-Parlament nhar il-Ġimgħa "l-ebda Deputat, mill-ebda naħa ma semma din il-kwistjoni, avolja msemmija ċar daqs il-kristall fl-inkjesta. Ħadd ma semma li l-inkjesta emfasizzat kif negozjanti kbar u dawk li għandhom is-saħħa tal-kapital jduru mal-liġijiet, dejjem sabu t-tapit mifrux u jikkontrollaw l-istituzzjonijiet u l-partit PLPN."

Carmel Cacopardo temm jgħid illi qabel ma ġew maħturin fil-kariga li għandhom illum kemm Leo Brincat - illum fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri - u anke Edward Scicluna - li llum imexxi l-Bank Ċentrai - "ma stħawx  jiddikjaraw li komplew jappoġġjaw lil Muscat biex ma jkunux ħrief tas-sagrifiċċju."

More in Politika