Il-PM Abela jagħmel apoloġija lill-familja Caruana Galizia għan-nuqqasijiet tal-Istat

Il-PM Robert Abela jgħid li lest jiltaqa' mal-familja Daphne Caruana Gaizia u jibda proċess ta' rikonċiljazzjoni - Ifakkar fl-elenku twil ta' riformi li saru fl-aħħar sena u nofs 'waħda wara l-oħra u ma qtajna xejn'

Waqt konferenza l-Prim Ministru Robert Abela talab apoloġija lill-familja Caruana Galizia u "kull min kien affetwat ħażin" meta l-Istat naqas mid-dmirijiet tiegħu. Huwa qal illi filwaqt li l-inkjesta ħadmet bl-akbar libertà saru wkoll riformi kbar fil-ħatriet tal-Ġudikatura, permezz tal-ħatriet bħal tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-Ombudsman u karigi oħrajn u bil-Gvern ineħħi poteri "li l-ebda Gvern ma ried ineħħi."

Huwa wera' x-xewqa wkoll li jiltaqa' mal-familja ta' Daphne Caruana Galizia biex jesprimi tali apoloġija, pero' wkoll biex issir diskussjoni dwar il-proċess ta' rikonċiljazzjoni bejn l-Istat u l-familja Caruana Galizia. 

"Se nibqħu nieħdu t-tagħlimiet kollha, billi fost oħrajn nwettqu l-proposti kollha li qed jagħmel dan ir-rapport," qal Abela li sostna illi l-aħħar xhur kienu xhieda ċara ta' "ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd. Illum għandna l-ewwel persuna misjuba ħatja b'sentenza ta' priġunerija, propju fuq il-każ ta' Daphne Caruana Galizia. U hemm ukoll sitt persuni oħrajn li qed jiffaċċjaw il-ġustizzja." Huwa qal li dan jikkonferma li "ħadd ma għandu la immunità u lanqas impunità."

Huwa qal li l-Gvern se jkompli jassigura li jkun hemm ir-riżorsi kollha meħtieġa, kif dejjem ra li jsir "biex issir ġustizzja mal-familja Caruana Galizia u mal-poplu Malti u Għawdxi li ma jridx li nies jinqatlu għal dak li jemmnu jew jiktbu."

Il-PM Abela wiegħed li se jibda proċess biex il-prinċipji tar-rapport jiġu diskussi u jsiru proposti. "Il-Gvern se jerfa' r-responsabilità tal-bidliet meħtieġa kif għamel bil-proposti tal-Kummissjoni Venezja u anke bil-Moneyval," qal Abela li ħabbar ukoll li se jkun qed jiddiskuti flimkien mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jara x'bidliet jistgħu jsiru għal aktar protezzjoni tal-ġurnalisti u l-midja b'mod ġenerali.

'Din l-amministrazzjoni ma tilfet ebda leġittimità' 

"Din hija amministrazzjoni ġdida li bdiet fl-2020, din l-amministrazzjoni ma tilfitx leġittimità - biżżejjed insemmi ir-riformi kollha li saru, dak li diġà semmejt u oħrajn, inkluż ukoll riformi dwar reati finanzjarji. Illum għandna pajjiż li ma tgħarfux mill-istituzzjonijiet, milli kien qabel. Ma naqbel xejn (ma' elezzjoni). Għad fadal xi jsir! Pero l-kredenzjali ta' deċiżjonijiet huma hemm: Irriżenja Prim Ministru,  Ministru (Cardona) li ma ġiex maħtur, Ministru ma baqax jifforma parti mill-Grupp Parlamentari b'deċiżjoni tiegħi (Konrad Mizzi) u jiena la ssemmejt fir-rapport u lanqas intlabt nidher quddiem il-Bord tal-Inkjesta," fakkar Abela. 

Mistoqsi diversi drabi dwar l-eks Prim Ministru, Abela fakkar li "Joseph Muscat ma jokkupa ebda irwol fil-Partit Laburista u l-Kabinett li mmexxi huwa l-istess wieħed li ħadem qatigħ biex isiru dawn ir-riformi kollha li konna ilna nistenew biex inwettqu. Issa se nkomplu naħdmu biex il-prinċipji ta' dan ir-rapport jitwettqu wkoll."

Huwa innota kif ir-rapport jgħid li ma jidher li hemm ebda rabta diretta bejn l-istat u l-qtil ta' Caruana Galizia. 

Ara x'ikkonkluda ir-rapport tal-Inkjesta: Hawnhekk

Ara x'ikkumenta dwar ir-responsabilità ta' Joseph Muscat: Hawnhekk

Ara kif irreaġixxa l-eks PM Joseph Muscat: Hawnhekk

More in Politika