'Jien bl-ebda mod ma kont implikat fil-qtil u l-Inkjesta sabet li l-Istat ma kellu l-ebda għarfien minn qabel'

L-eks PM Joseph Muscat jgħid li hu refa' r-responsabilità tiegħu u ta' ħaddieħor meta rreżenja...

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal-Inkjesta Pubblika li kienet pjuttost skjaċċanti fil-konfront ta' Muscat u l-Gvern li kien imexxi, l-istess eks PM Joseph Muscat sostna illi meta hu rreżenja minn Prim Ministru kien qiegħed jerfa' r-responsabilitajiet tiegħu u dawk li mhumiex tiegħu. "Jiena ħallast il-prezz politiku aħħari," sostna Muscat f'messaġġ fuq Facebook. 

Huwa qal li din l-inkjesta tikkonferma li ma hemm ebda rabta bejnu u l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u anke li l-Istat ma kienx jaf jew kellu informazzjoni dwar dan minn qabel. Fil-fatt ir-rapport dejjem jisħaq li ma hemm ebda prova li torbot l-assassinju ta' Caruana Galizia mal-istat, għalkemm l-Inkjesta tgħid li l-Gvern huwa responsabbli għax ippermetta dak li jsejjaħ bħala "l-kroll tas-saltna tad-dritt."

"Għandu jiġi nnutat li l-Inkjesta sabet li l-Istat ma kellu l-ebda għarfien minn qabel ta', jew li kien involut fl-assassinju. Ir-rapport jiddikjara wkoll b’mod inekwivoku li jien bl-ebda mod ma kont implikat fil-qtil. Filwaqt li l-Inkjesta esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha dwar il-ġudizzju politiku tiegħi wara l-Panama Papers, ma rrimarkatx li fix-xhur ta’ wara ħadt id-deċiżjoni li nitlob mandat elettorali ieħor, fejn l-elettorat iġġudikani anki fuq kif imxejt f’din is-sitwazzjoni," sostna Muscat fil-messaġġ tiegħu. 

L-eks PM qal illi hu jirrispetta l-konklużjonijiet ta' din l-inkjesta "minkejja riżervi" u wera' t-tama li kulħadd jagħmel l-istess u mhux jitfgħu d-dubji kif jgħid li sar fuq l-inkjesta Egrant. 

Ara aktar hawnhekk: 

More in Politika