Grech jikteb lill-PM u jistiednu biex jaħdmu flimkien dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphne

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika mistennija jkunu ppubblikati fis-sigħat jew il-jiem li ġejjin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kiteb ittra lill-Prim Ministru Robert Abela hekk kif fis-sigħat jew il-jiem li ġejjin mistennija jkunu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra, Grech jistieden lill-Prim Ministru biex iwarrbu d-differenzi ta' bejniethom u flimkien jieħdu impenn li fil-Parlament jirrispondu għall-konklużjonijiet, b'azzjonijiet konkreti, biex "jintemm darba għal dejjem dan il-kapitlu ikrah għall-pajjiżna."

Grech jisħaq li l-prijorità ewlenija għandha tkun li l-pajjiż jassigura li mit-tbatija li għaddew minnha dawk viċin Daphne u l-kawża tagħha ma tkunx inutli iżda jwasslu għal bidla konkreta għall-aħjar fid-demokrazija Maltija.

L-inkjesta pubblika, b'bord indipendenti, kellha l-għan li tistabbilixxi jekk l-Istat wassalx jew inkella setax jevita li jseħħ l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Fl-inkjesta xehdu diversi uffiċjali tal-Gvern u tal-Istat, mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, għal Ministri u kummissarji tal-Pulizija.

Il-Bord temm jisma' x-xhieda ġimgħat ilu u fl-aħħar ġimgħat kien qed jaħdem fuq ir-rapport, bil-konklużjonijiet għandhom ikunu ppubblikati sal-aħħar ta' dan ix-xahar.

More in Politika