'Għall-PM li Malta spiċċat fuq il-lista l-ħamra tal-ECDC ma jfisser xejn' - PN

Il-PN jakkuża lill-Prim Ministru li qed 'jagħmel ta' rasu' u jinjora l-pariri xjentifiċi

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela "reġa' tilef il-kontroll" tal-pandemija u mhux qed jagħti l-importanza meħtieġa lis-setturi l-agħar milquta, partikolarment dak tat-turiżmu.

Fi stqarrija, il-PN insista li Robert Abella qed "iwebbes rasu biex ikompli jesperimenta kif jaqbel lilu u mhux fuq il-pariri xjentifiċi u mediċi." Saħaq li kien dan l-aġir li wassal biex il-każi ta' Covid-19 f'Malta, żdiedu b'mod allarmanti.

"Aktar minn hekk għal Robert Abela u l-Gvern tiegħu, il-fatt li pajjiżna tqiegħed fuq il-lista l-ħamra ma jfisser xejn, bħal ma jfisser xejn il-kaos li ħoloq għal eluf ta’ familji li kienu se jsiefru, jew inqabdu barra minn Malta, meta l-ewwel impona miżuri ġodda u wara ftit reġa’ bidilhom," kompliet l-istqarrija.

Kien hawn li l-PN ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex "ineħħi l-arroganza u s-suppervja" u jassigura li l-poplu ma jerġax jispiċċa l-vittma tal-iżbalji tiegħu. Fakkar li qed batew u qed ibatu l-anzjani l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri, l-artisti, l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż, tar-ristoranti u kull min jaħdem fis-settur tat-turiżmu, fost l-oħrajn.

"Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq kemm-il darba proposti konkreti, ibbażati fuq ixxjenza, sabiex pajjiżna jerġa jakkwista n-normalita’ mill-aktar fis, liema proposti Robert Abela għall-ewwel jinjora imma imbagħad, jagħmilhom tiegħu," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika