Diviżjoni għat-Tindif u manutenzjoni għal San Pawl il-Baħar biss 24 siegħa kuljum

Permezz ta’ din l-inizjattiva li tlaħħaq investiment ta’ €350,000, se jiġi introdott apparat ġdid li se jkun utilizzat b’mod kontinwu f’żoni bħal Burmarrad, il-Qawra, Buġibba kif ukoll ix-Xemxija

id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se twaqqaf taqsima tat-tindif intiża li tieħu ħsieb l-indafa ta’ San Pawl il-Baħar - l-akbar lokalità f'Malta u waħda turistika - 24 siegħa kuljum. 

Permezz ta’ din l-inizjattiva li tlaħħaq investiment ta’ €350,000, se jiġi introdott apparat ġdid li se jkun utilizzat b’mod kontinwu f’żoni bħal Burmarrad, il-Qawra, Buġibba kif ukoll ix-Xemxija.  

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista u tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara. 

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li San Pawl il-Baħar toffri sfidi li "jeħtieġ nindirizzaw fl-immedjat u fit-tul."

“Din il-lokalità jgħixu fiha madwar 30,000 persuna, l-aktar popolata fil-gżejjer Maltin. Dawn in-numri jeskludu l-ammont ta’ turisti li ta’ kuljum iżidu mal-popolazzjoni ta’ din iż-żona. Għalhekk, inħass il-bżonn li nieħdu deċiżjoni bil-għan li tiżdied b’mod sinifikanti l-indafa regolari f’din il-lokalità tant importanti għas-settur turistiku,” qal Bartolo. 

Huwa żied jgħid li din l-inizjattiva se tfisser iżjed riżors uman iffukat li jindirizza l-isfidi li qed jaffaċċjaw ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar. 

Minn naħa tiegħu Debattista spjega li dan ir-reġjun ta’ San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija, il-Qawra u Buġibba se jkun qed jibbenefika minn investiment li jlaħħaq it-€350,000 "biex inħarsu iktar it-tisbiħ u l-indafa ta’ din il-komunità. Dawn il-flus allokati  se jintefqu biex tiġi mwaqqfa unit ġdida fi ħdan id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, biex b’hekk, ħaddiema u anke makkinarju ġdid ikunu disponibbli lejl u nhar għal kull esiġenzi li jkun hemm bżonn f’dan ir-reġjun”, irrimarka s-Segretarju Parlamentari.

More in Politika