L-MHRA tappella lill-Gvern biex ipoġġi aktar enfasi fuq il-pazjenti fl-isptar milli l-każi ġodda ta' Covid-19

Tħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jeżenta l-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-overtime u l-part-time għall-impjegati fis-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qed tħeġġeġ lill-Gvern biex il-politika tiegħu tkun ibbażata aktar fuq l-għadd ta’ pazjenti li qed ikollhom bżonn jingħataw il-kura fl-isparijiet milli fuq l-għadd ta’ każi ġodda li qed jinstabu kuljum ta’ Covid-19.

L-MHRA kienet qed tirreaġixxi għall-aħbar li l-ECDC reġgħet poġġiet lil Malta fil-lista ta’ pajjiżi li mhumiex meqjusa siguri għas-safar u għalhekk ħeġġet ukoll lil Gvern biex jaħdem kemm jista’ jkun biex inaqqas l-imxija tal-virus biex malajr kemm jista’ jkun Malta tispiċċa mill-ġdid fuq il-lista l-ħadra.

Fost oħrajn qed tappella biex ġaladarba l-maġġoranza tal-każi qed ikunu fost persuni li ma ħadux il-vaċċin, il-Gvern għandu jkompli jsaħħaħ il-programm tat-tilqim biex kemm jista’ jkun, kull resident  f’Malta jieħu t-tilqima u jkun protett.

Ħeġġet lill-Gvern biex jaħdem aktar fil-qrib mal-istakeholders kollha għax l-isfida hija waħda u komuni u li fi kliemha, qed toħloq ħsara bla preċedent lill-ekonomija u anke l-benessri tal-persuni.

Fid-dawl tal-fatt li l-industrija tal-ospitalità qed tiffaċċja nuqqas ta’ impjegati, l-MHRA qed tappella wkoll lill-Gvern biex jeżenta l-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-overtime u l-part-time għal dawn l-impjegati li jaħdmu fit-turiżmu, l-ivjaġġar u s-settur tal-lukandi. 

“Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nattiraw u nżommu lill-impjegati li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli,” kompliet l-istqarrija. “Irridu protokolli sempliċi u ċari li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika u l-bżonnijiet tal-ekonomija."

More in Politika