Cutajar kostrett iħassar kumment li fih ipprova 'jiġġustifika' attakk fuq Somalu f'Għawdex

Fil-post oriġinali, Cutajar qal li dan l-attakk huwa riżultat ta' taħlit ta' kulturi li seħħ mgħaġġel u li Għawdex ma kienx lest għalih

Id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar neħħa, minn fuq Facebook, post li kiteb aktar qabel u li fih, kważi kważi, iġġustifika attakk fuq raġel Somalu billi tefa’ l-ħtija fuq “it-taħlit mgħaġġel tal-kulturi.”

Il-każ seħħ ilbieraħ meta grupp ta’ rġiel, allegatament, ħebbew għas-Somalu u tefgħuh il-baħar, fl-Imġarr Għawdex.

Cutajar ikkundanna dan l-inċident, iżda fl-istess ħin tefa’ l-ħtija fuq dak li hu sejjaħlu bħala “taħlit mgħaġġel ta’ kulturi li Għawdex ma kienx lest għalih.”

Il-Facebook post li Cutajar ħassar
Il-Facebook post li Cutajar ħassar

Dan ma niżel tajjeb xejn tant li kienu bosta dawk li kkummentaw fuq il-midja soċjali. Kien għalhekk li d-Deputat kien kostrett iħassar dan il-post u ftit wara jtella’ ieħor biex jipprova jfiehem dak li qal qabel.

“Nirrepeti li jien kontra dak li ġara u biex żgur inkunu ċari nikkundannah bla riservi.

Li pruvajt ngħid u li sfortunatament ġie misinterpretat, hu li dak li ġara l-bieraħ qed jurina r-realtà li mhijiex sabiħa tan-nuqqas tal-inklużjoni soċjali,” kiteb Cutajar.

Intant, mistoqsi jekk dan il-kumment kienx aċċettabbli għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, kelliem għall-Kap Nazzjonalista qal li d-Deputat kien mifthiem ħażin u rrefera lill-midja għall-ispjegazzjoni tal-istess Cutajar fuq Facebook.

Intant, il-Pulizija kkonfermat li żagħżugħ ta’ 21 sena se jkun qed jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.

Persuna li kienet fuq il-post spjegat kif “grupp ta’ 15-il raġel,” ħeġġew għal dan is-Somalu u qabdu jagħtuh u ma ħallewhx jitkellem jew jispjega ruħu. Kien hawn li skont l-istess persuna, żagħżugħ, quddiem grupp akbar ta’ rġiel iċapċpuli, waddab lis-Somalu l-baħar u spiċċa ħabar wiċċu ma dgħajsa.

More in Politika