'Se nwaqqfu darba għal dejjem is-sistema korrotta li qed tisraq art agrikola għal toroq mhux meħtieġa'

Il-Moviment Graffitti qed jitlob investigazzjoni fl-esproprijazzjonijiet li wettqet Infrastructure Malta wara xogħlijiet f'għalqa f'Ħaż-Żabbar

Il-Moviment Graffitti qed jitlob investigazzjoni fl-esproprijazzjonijiet li wettqet Infrastructure Malta wara li l-aġenzija għall-bini tat-toroq reġgħet inqabdet tidħol f’art ta’ bidwi f’Ħaż Żabbar mingħajr ma kellha ftehim mas-sid u mingħajr il-kunsens tal-Awtorità tal-Artijiet.

Fi stqarrija, il-Moviment saħaq li Infrastructure Malta qed taġixxi fi ksur tal-liġijiet rilevanti billi taqbad u tidħol fl-artijiet taċ-ċittadini mingħajr ma tiftiehem fuq l-esproprjazzjonijiet.

“Dak li ġara f’Ħaż Żabbar hu l-istess li ġara f’Ħad Dingli, u f’ħafna postijiet oħra fejn l-Aġenzija sempliċiment daħlet fl-artijiet tal-bdiewa, waqqgħet il-ħitan, ħarbtet il-ħamrija u l-ħxejjex, ksiet iż-żoni bit-tarmak u telqet mingħajr ma ħallset ebda kumpens,” kompliet l-istqarrija.

Il-grupp qal li Infrastructure Malta hija marbuta li ssegwi l-proċeduri tal-esproprjazzjoni kif stipulat mill-Awtorità tal-Artijiet, u l-valutazzjonijiet kellhom isiru u jiġu deċiżi minn din l-Awtorità.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti għamel referenza wkoll għal intervista li ta riċentament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, li qal li “kien infurmat” li l-Aġenzija laħqet ftehimiet separati mas-sidien tal-artijiet “bħala mod kif jgħaġġel il-proċess."

Madankollu, il-Moviment Graffitti qed jisħaq li Infrastructure Malta kienet qed toffri karta bi “ftehim” li kienet tinkludi valutazzjoni tal-art li għandha tiġi esproprjata. Insista li din il-karta ma għandha l-ebda valur għax il-liġi tistabbilixxi li l-art għandha tiġi vvalutata mill-Awtorità tal-Artijiet u mill-periti tagħha, mhux minn Infrastructure Malta.

“Dr Borg għandu jieqaf milli jiżvija lill-pubbliku dwar dan il-ftehim,” qal il-grupp. “Mhux veru li s-sidien kollha ffirmaw dan il-ftehim. Infakkru li Dr Borg u l-Ing Azzopardi kienu rrifjutaw l-ewwel laqgħa biex jiġu diskussi l-esproprjazzjonijiet ma’ xi sidien minn Ħad Dingli f’April li għadda, għax beżgħu li tinfetaħ dik li issa hija kaxxa ta’ Pandora,” kompliet l-istqarrija.

Il-Moviment qal li qed jieħu parir legali u qed jistudja l-possibilità li jieħu azzjoni legali kontra l-aġenzija għall-bini tat-toroq u l-Kap Eżekuttiv Fredrick Azzopardi.

“Se nagħmlu mezz li nwaqqfu darba għal dejjem din is-sistema korrotta li permezz tagħha, l-istat, permezz tal-armata ta’ kuntratturi tiegħu, ikompli jisraq l-art agrikola u jkisser riżorsi ambjentali prezzjużi sabiex jibni toroq mhux meħtieġa mingħajr ma jagħti kumpens lis-sidien.”

Il-Moviment Graffitti talab ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiżgura li l-membri tal-Korp ikunu infurmati bil-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn Infrastructure Malta fir-rigward tal-esproprjazzjonijiet.

“F’Ħad Dingli u f’Ħaż Żabbar, il-Pulizija immedjatament ħadet il-parti ta’ Infrastructure Malta u emmnithom fuq kull punt. Infrastructure Malta u r-rappreżentanti tagħhom gidbu lill-Pulizija meta qalu li kellhom il-karti kollha f’idejhom. Il-Pulizija ma għamlet ebda intervent biex tipproteġi liċ-ċittadini u tinvestiga l-kwistjoni, iżda minflok għażlet li temmen lil IM mingħajr ma rat ebda karta. Nemmnu li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa responsabbli miż-żamma tal-liġijiet, u li l-Pulizija għandhom id-dmir jintervjenu sabiex jipproteġu liċ-ċittadini minn dan il-bullying. Minflok, rajna lil Fredrick Azzopardi nnifsu jiġi skortat mill-RIU iżjed kmieni din is-sena minkejja li ma kien hemm ebda protesta. Il-Pulizija ma tistax tibqa’ tidher li qed tipproteġi lill-bullies,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika