L-infurzar huwa importanti ... ma nifilħux nerġgħu nagħlqu, lanqas naħsbuha ma rridu'

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Philip Fenech u ma' Matthew Pace dwar is-sentiment fost in-negozji tad-divertiment u tal-ikel hekk kif il-każi tal-Covid-19 reġgħu żdiedu...

Hekk kif in-numri tal-każi tal-Covid-19 reġgħu bdew telgħin, mhux biss madwar l-Ewropa imma anke lokalment, negozji fil-qasam tad-divertiment reġgħu jinsabu xi ftit inċerti għalkemm Philip Fenech li jmexxi t-Taqsima għat-Turiżmu u Divertiment tal-Kamra tal-SMEs għamilha ċara li n-negozji ma jifilħux b'xi mod jerġgħu jgħalqu. 

Huwa sostna wkoll mal-gazzetta ILLUM li s-sentiment fost diversi fin-negozju tad-divertiment huwa li hemm bżonn ddur l-attenzjoni fuq in-numru ta' nies li jkollhom jiddaħħlu l-isptar minħabba l-Covid-19, iktar milli n-numru ta' każi attivi biss. 

Huwa sostna illi aktar minn restrizzjonijiet l-importanti huwa li jsir l-infurzar u aktar persuni jkomplu jitlaqqmu kontra dan il-virus. 
Fuq l-istess linja ta' ħsieb tkellem Matthew Pace mill-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), li qal illi għeluq tal-istabbilimenti għat-tielet darba "lanqas għandna naħsbuha, aħseb u ara nikkunsidrawha."

Matthew Pace
Matthew Pace
Philip Fenech
Philip Fenech

Huwa fakkar li l-ACE kienet diġà qalet illi kienet inġusta li l-istabbilimenti għalqu għat-tieni darba f'Marzu li għadda. 
"F'Malta ilħaqna l-immunità tal-massa, jiġifieri kuntrarjament għas-sajf tal-2020, il-maġġoranza tal-poplu huwa vvaċinat. Dan ifisser li fir-realtà għandna nkunu kunfidenti ħafna li xejn mhu se jaffetwa x-xejra pożittiva tan-negozji li għaddejjin minnha," qal Pace mal-ILLUM. 
Pace qal ukoll illi l-andament tan-negozju kien sejjer tajjeb ħafna u kien qed jikber "imma meta ġew implimentati ċerti miżuri, ħadna daqqa - it-turiżmu domestiku (Il-Maltin) għadu kunfidenti, imma l-feel good factor li kellna sal-ġimgħa l-oħra naqset."

Nhar il-Ġimgħa iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) ħabbar li kien hemm żieda ta' 63.4% fil-każi madwar l-Ewropa - bl-akbar żidiet ikunu reġistrati fost persuni żgħażagħ. L-ECDC innutat ukoll iżda illi l-każi ta' nies fl-isptar baqgħu baxxi - għalkemm kienu nnutati żidiet, filwaqt li r-rata ta' nies li kellhom jiddaħħlu l-ITU baqa' baxx ħafna (bejn 0.7 u 0.9 għal kull 100,000 abitant). 

Din iż-żieda qed tqajjem xi ftit tal-ansjetà mhux ħażin kemm fil-popli tal-Ewropa, inkluż dak Malti, u anke fost diversi negozji speċjalment dawk marbutin mad-divertiment, fejn it-tixrid tal-virus huwa iktar faċli.

Fenech jgħid mal-ILLUM li mill-informazzjoni li qed tasallu jidher li ħafna mill-każi huma ta' nies li mhux qed ikollhom sintomi. Fil-fatt minkejja li f'temp ta' ġimagħtejn Malta kellha aktar minn 1,500 każ ġdid ta' Covid-19, sal-Ġimgħa kien hemm 14-il persuna l-isptar li minnhom waħda biss kienet fl-ITU. 

 

More in Politika