Il-PN f'silenzju dwar il-kuntratt ta' Peregin... imma ma jiċħadx li se jitħallas madwar €65,000 fis-sena

... pero' kelliem tal-PN jgħid li l-valur tiegħu 'huwa ħafna aktar minn €65,000' u jikkonferma li se jkun qed imexxi l-kampanja elettorali

 

Chris Peregin
Chris Peregin

Il-Partit Nazzjonalista ma weġibx mistoqsija diretta ta' din il-gazzetta dwar il-ħlas li se jingħata lil Christian Peregin biex imexxi l-istrateġija tal-istess partit, biex - fi kliemu - jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti. Mistoqsi b'mod skjett jikkonfermax li Peregin ingħata kuntratt ta' madwar €65,000 fis-sena, kelliem tal-PN la kkonferma pero' lanqas ċaħad dan l-ammont. Qal biss iżda li l-paga ta' Peregin hija, "materja kunfidenzjali."

Qal ukoll illi "l-valur ta' Chris Peregin biex inwettqu l-bidla huwa ħafna aktar mis-somma msemmija."

Kienu sorsi fil-PN stess li indikaw il-paga li se jingħata Peregin, uffiċjal ġdid tal-Partit Nazzjonalista u eks Kap Eżekuttiv ta' Lovin Malta. 
L-istess sorsi indikaw li Peregin se jkun qed imexxi l-kampanja elettorali tal-PN, simili għal dak li kienet tagħmel Caroline Muscat, li wkoll kienet ġurnalista u li ntalbet tmexxi l-kampanja elettorali tal-PN mill-eks Kap Simon Busuttil.  Din id-darba l-Kelliem tal-PN ikkonferma din l-informazzjoni, u qal li Peregin se jkollu rwol "determinanti" fil-kampanja elettorali. 

"Aktar milli rwolijiet definiti, jinteressana li niġbdu lejna talent, kreattività u enerġija biex naslu għand kulħadd. U hu propju għalhekk li għandna sistema ta' tmexxija parteċipattiva li tista' tilqa' fiha lil ħafna oħrajn li lesti jagħtu kontribut," qal il-kelliem. 
Finalment mistoqsi jekk Peregin hux se jkollu rwol aktar konsultattiv, milli rwol li fih hu jieħu d-deċiżjonijiet l-istess kelliem qal illi l-irwol ta' Peregin huwa "aktar milli konsultattiv."

Intant is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta sostnew illi l-aħbar li Peregin dieħel fil-PN ġabet reazzjonijiet differenti fil-partit. Sors minnhom sostna li l-PN kien qed isir "medjokri" fil-mod kif jibgħat il-messaġġ u allura l-wasla ta' Peregin hija mossa li bosta qed jilqgħu b'ottimiżmu. Dawn qed jittamaw li dak li għamel Peregin fil-Lovin Malta, jagħmlu bid-dehra u l-istrateġija tal-PN.

Fost dawk mhux daqstant entużjasti hemm dawk il-ħaddiema li jsemmu l-kawża kontra l-PN bħala sid ta' Net TV/FM (u l-PL ta' One) liema kawża beda u mexxa 'l quddiem l-istess Peregin. Dan filwaqt li persuna mill-Grupp Parlamentari qalet lil din il-gazzetta li filwaqt li hi tilqa' l-aħbar, "illum ċempilli xi ħadd li qalli illi jekk Peregin se jieħu lill-PN f'direzzjoni lejn xi forma ta' aċċettazzjoni tal-abort hu jqatta' t-tessera."
Peregin dejjem esprima ruħu favur kwistjonijiet bħal-legalizzazzjoni tal-abort, drittijiet ta' persuni LGBTIQ kif ukoll fuq kwistjonijiet bħal-legalizzazzjoni tal-kannabis - ilkoll kwistjonijiet li dwarhom fil-PN hemm jew oppożizzjoni assoluta jew inkella elementi ta' skumdità. 

More in Politika