Il-PN jipproponi li t-turisti li jiġu b'test tal-Covid-19 isirilhom minnufih test ieħor f'Malta

Jisħaq ukoll li apparti ċ-ċertifikat tal-vaċċin Malta għandha titlob ukoll PCR test mingħand kull turist

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li persuni li jiġu Malta mingħajr il-vaċċin, għandhom mhux biss jippreżentaw PCR test negattiv, imma saħansitra jsirilhom ieħor mallu jaslu Malta.

Wara ż-żieda fil-każi ta' Covid-19 li ġiet irreġistrata bejn ilbieraħ u llum, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija mill-COVID Action Team biex jisħaq dwar il-bżonn ta' aktar infurzar fuq it-turisti li jaslu Malta, anke għax ilbieraħ irriżulta li l-maġġoranza tal-każi kienu studenti barranin.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li:

  1. Jekk il-persuna li tasal Malta tkun ivaċċinata, għandha tippreżenta ċ-ċertifikat ta’ dan, flimkien ma’ prova ta’ PCR test negattiv sa 72 siegħa mit-tluq tagħha
  2. Jekk il-persuna li tasal Malta ma tkunx ivaċċinata, minkejja li jkollha prova ta’ PCR test negattiv minn pajjiżha, għandha tkun screened permezz ta’ PCR test ieħor hekk kif tasal f’Pajjiżna.
  3. Għandu jkun hemm loġistika aktar b’saħħitha li tantiċipa ż-żieda qawwija li qegħdin naraw fit-turiżmu u sabiex jiġi evitat il-kaos li rajna fil-portijiet fil-ġimgħat li għaddew.

"Dan, sabiex inkomplu nnaqsu l-possibilitá tal-introduzzjoni ta’ varjanti ġewwa pajjiżna u nassiguraw li s-settur turistiku u dak tal-ospitalità, tant importanti għall-ekonomija tagħna, tkompli bir-ritmu li qabdet u tkompli titgawda ġewwa pajjiżna," insistiet l-istqarrija. "Dan ukoll, sabiex jiġi evitat li Pajjiżna jerġa jkollu impost fuqu mill-ġdid xi restrizzjonijiet marbuta mat-tixrid tal-pandemija, u nkomplu ngħixu fin-normalita’ filwaqt li jkun hemm ir- rispett u l-infuzar ta’ dawk il-miżuri preventivi diġa eżistenti."

Aqra wkoll:

More in Politika