Fearne jgħid li Malta se tanalizza dak li se jiġri fir-Renju Unit meta jitneħħew ir-restrizzjonijiet

Fl-isptar jidħol żagħżugħ barrani ieħor bil-Covid-19 li għadu ma ħax it-tilqima kontra l-Covid-19 ... dan ġie Malta biex jistudja l-Ingliż

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern Malti se jkun qed iħares lejn ir-Renju Unit biex janalizza dak li se jkun qed jiġri hekk kif fid-19 ta' Lulju se jkunu qed jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha.

Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Boris Johnson ħabbar li minkejja ż-żieda fil-każi, il-pjan tal-Gvern jibqa' li jneħħi r-restrizzjonijiet kollha, inkluż dawk tal-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali.

Johnson saħaq li kollox jindika li l-vaċċin jaħdem u għalkemm il-każi żdiedu, in-nies fl-isptarijiet mhux qed jiżdiedu b'rata allarmanti.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Fearne qal li l-Gvern Malti jieħu pjaċir li se jkollu pajjiż li minnu se jkun jista' jitgħallem, għax sa issa, hekk kif Malta kienet fuq quddiem nett fil-programm tat-tilqim, ma setgħetx titgħallem minn pajjiżi oħra, anke jekk b'mod kawt bdiet tnaqqas il-miżuri.

"Huwa tajjeb li hemm pajjiż li huwa l-Ingilterra li minnu nistgħu nitgħallmu," insista Fearne. "Jekk in-numri jitilgħu u ma jiżdidux in-nies fl-isptarijiet, allura dan lilna jagħmlilna kuraġġ."

Fakkar ukoll li sal-bieraħ, 83% tal-adulti Maltin ħadu l-ewwel tilqima u dan juri li l-maġġoranza kbira laqgħu l-istedina tal-Gvern.

Insista li huwa ottimist li dan in-numru se jkompli jikber.

Ikkonferma wkoll li fl-aħħar sigħat, żagħżugħ barrani li ġie Malta biex jistudja l-Ingliż, kellu jkun rikoverat f'Mater Dei għax ħa l-Covid-19 iżda ma kienx imlaqqam kontra t-tilqima. Apparti dan iż-żagħżugħ, fl-isptar hemm żewġ persuni oħra, li t-tnejn li huma għadhom ma ħadux it-tilqima.

Fil-fatt, 90% tal-każi pożittivi qed ikunu fost persuni li ma jkunux ħadu t-tilqima

More in Politika